Il-bajja tal-Blue Lagoon – Kemm se ndumu ngawduha?
Il-bajja tal-Blue Lagoon f’Kemmuna, għal ħafna snin kienet assoċjata ma’ ċertu trankwillità li ssib fil-gżejjer Maltin. Sfortunatament, din hi biss tifkira nostalġika u xejn iktar. L-ilmijiet kaħlana li darba kienu jġibu serħan u paċi issa għamlu wisa’ għal xeni li naraw f’postijiet turistiċi iffullati bħal Ibiza. Dik li darba kienet ġawhra issa qed tbati mill-impatt negattiv tas-suċċess tagħha stess.
Meta dan is-sit żar Kemmuna f’Ġunju li għadda, kien jidher mill-ewwel li l-kwistjoni tal-iffullar laħqet livelli kritiċi. Sa minn kmieni filgħodu, folol kbar ta’ nies bdew jinżlu Kemmuna u fi ftit ħin fil-post bdiet tirrenja l-konfużjoni aktar milli t-trankwillità. Jidher ukoll li hemm nuqqas allarmanti ta’ regolamentazzjoni dwar in-numru massimu ta’ viżitaturi li jista’ jkun hemm inkluż l-opri tal-baħar.
Fuq ix-xatt, is-sitwazzjoni ma tkun sabiħa xejn. L-iffullar esaġerat, ifisser li kulħadd ikun iħakkek ma’ xulxin. Dawk li ma jkunux iridu jikru umbrella u sunbed, huma trattati bħala nies tat-tieni klassi u jispiċċaw fuq ix-xagħri f’zona protetta għax ma jkunx fadal spazju. Dan kollu qed iwassal biex l-ambjent naturali ta’ Kemmuna qed ikun mhedded.
Il-kummerċjalizzazzjoni esaġerata ta’ Kemmuna ukoll aggravat il-problema. Il-gżira saret imballata bil-kiosks tal-ikel u tax-xorb. Dan iqajjem tħassib sinifikanti dwar l-iskart. Minkejja assigurazzjonijiet ripetuti mill-awtoritajiet li kienu se jkunu għassa biex ma jkunx hemm abbużi, ir-realtà hi li f’Kemmuna l-aħjar zoni ġew ikkapparati kompletament minn terzi għal skop kummerċjali. L-attività kummerċjali mhux ikkontrollata tista’ twassal għal livelli mhux sostenibbli ta’ skart u degradazzjoni ambjentali.
Anke dawk li għandhom il-faċilità li jmorru b’jott privat qed jindunaw li hemm problema. L-ispazju li darba kien abbundanti sar żgħir wisq, bil-jottijiet xi drabi jkunu skjerati wieħed ħdejn l-ieħor. Sitwazzjoni bħal din titlob intervent urġenti.
Huwa evidenti li jekk irridu nippreservaw il-Blue Lagoon irid isir xi ħaġa. Id-deċiżjoni m’għandhiex tkun li jkunu introdotti xi taxxi għax dik tkun miżura inġusta. Dak li hu meħtieġ hija strateġija ħolistika biex ikun magħruf in-numru massimu ta’ viżitaturi li tiflaħ Kemmuna u jekk ikun meħtieġ, jiġi impost limitu fuq in-numru ta’ viżitaturi. Din l-istrateġija m’għandhiex tiffoka biss fuq il-limitazzjoni tan-numri iżda wkoll biex tiżgura li l-prattiki sostenibbli jiġu rispettati kemm mill-viżitaturi kif ukoll min-negozji.
Biex jitħares dan it-teżor naturali għall-ġenerazzjonijiet futuri, trid tittieħed azzjoni deċiżiva issa, akkost li ma tkunx daqshekk popolari. Il-Blue Lagoon hija ġojjell tal-gżejjer Maltin, u l-preservazzjoni tagħha għandha tkun prijorità. Għandu jintlaħaq bilanċ bejn il-possibbiltà li n-nies igawdu s-sbuħija ta’ din il-bajja u l-protezzjoni tal-ekosistema fraġli tagħha minn ħsara irriversibbli. Mingħajr miżuri rapidi u effettivi, it-trankwillita tal-bajja tal-Blue se ssir memorja nostalġika.