Id-drittijiet tal-ħaddiema u l-kundizzjonijiet tax-xogħol: iż-żamma ta’ livell minimu komuni
Wara perijodu ta’ tkabbir madwar l-Unjoni Ewropea, il-pandemija COVID-19 wasslet għal bidliet konsiderevoli fil-mod kif ħafna minna jaħdmu. Iċ-ċirkostanzi bla preċedent biddlu l-mod kif immexxu l-operat tagħna u perċentwal konsiderevoli ta’ impjegati u min iħaddem sabu lilhom infushom jitħabtu ma’ sitwazzjonijiet inkwetanti li jistgħu jwasslu għall-qgħad.
Filwaqt li d-diġitalizzazzjoni u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda tawna l-possibbiltà li nkunu iżjed flessibbli, ix-xogħol kunsidrat bħala stabbli sa tmiem l-2019 sar ħafna iżjed volatili.
Fortunatament, l-Unjoni Ewropea ipproteġiet lill-ħaddiema tagħha matul is-sena f’diversi modi. L-aħħar bidliet li ġew addottati jinkludu r-regolamenti tal-2019 li jintroduċu d-drittijiet minimi dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, li jagħtu drittijiet ġodda għall-aktar impjegati vulnerabbli. Il-ħaddiema, illum, huma iżjed involuti fil-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-kumpanija tagħhom grazzi għal qafas ġenerali stabbilit għad-drittijiet tal-ħaddiema li jkunu informati u kkonsultati. F’każ ta’ sensji tal-massa, min iħaddem issa huwa sfurzat li jinnegozja ma’ rappreżentanti tal-ħaddiema (normalment mal-unions).
Dan kollu jħoll u jorbot ma’ ħidmet l-Unjoni Ewropea biex tassigura li d-drittijiet tal-ħaddiema jitjiebu u li l-kundizzjonijiet tax-xogħol, b’mod ġenerali, jinżammu bħala prerekwiżit minimu.