Id-dinja tax-xogħol trid tkun aktar inklussiva b’nies bi bżonnijiet speċjali
L-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO) kienet telqet bil-premessa li tippromwovi ugwaljanza akbar kif wieħed jittratta u jagħti opportunitajiet lil persuni b’diżabbilta’ fis-suq tax-xogħol.
Waħda minn kull seba’ persuni fid-dinja għandha diżabbilta’ u l-maġġoranza vasta tagħhom huma nies li jaħdmu. Iżda ħafna ma jgawdux id-dritt li jaħdmu. L-istatistika turi li l-esklużjoni ta’ persuni b’diżabbilta’ mis-suq tax-xogħol tista’ tneffaq lill-ekonomiji nazzjonali sa sebgħa fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross.
Illum irridu niffukaw fuq dawk il-ħiliet u t-talenti u dwar x’jonqos xi jsir sabiex id-dritt għal impjieg produttiv u xogħol diċenti jissodisfa kull persuna b’diżabbilta’.
Il-ħtieġa hi rikonoxxuta sew u l-qafas qiegħed hemm. Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbilta’ u l-livelli internazzjonali tax-xogħol isejħu għat-tneħħija tal-ostakli biex persuni bi bżonnijiet speċjali jkollhom xogħol diċenti. L-Aġenda 2030 għal Żvilupp Sostenibbli taspira għal futur fejn l-iżvilupp sostenibbli u xogħol diċenti jsiru realta’ – dejjem jekk il-persuni b’diżabbilta’ jkunu inklużi.
Il-kontribut pożittiv li persuni bi bżonnijiet speċjali jistgħu jagħtu lid-dinja tax-xogħol b’mod partikulari u lis-soċjeta’ b’mod ġenerali qed ikun rikonoxxut dejjem iżjed. F’livell internazzjonali, il-gvernijiet, it-trade unions, min iħaddem u oħrajn qed iwieġbu s-sejħa għal azzjoni.
Aktar kumpaniji u assoċjazzjonijiet tal-ħaddiema madwar id-dinja, inkluż f’Malta, qed isaħħu l-prattiċi tagħhom dwar l-inklużjoni tad-diżabbilta’.
Irid jingħata iżjed kas tad-diżabbilta’, mill-promozzjoni ta’ policies mhux diskriminatorji u l-governanza tas-suq tax-xogħol, sal-aċċessibbilta’ tat-teknoloġija.
Inkisbu ħafna riżultati, imma jonqos ħafna xi jsir sabiex ngħixu f’soċjeta’ fejn persuni bi bżonnijiet speċjali jkunu verament apprezzati u inklużi ugwalment.