Ħtieġa ta’ aġenzija Ewropea biex tgħin lill-unions
L-Unjoni Ewropea talloka miljuni ta’ ewro biex issaħħaħ id-djalogu soċjali fost l-istati membri tagħha – inizjattiva kruċjali biex tiżdied il-kollaborazzjoni bejn il-ħaddiema, min iħaddem, u l-gvernijiet. Madankollu, fil-livell ta’ isfel, l-unions qed jieħdu riżorsi limitati u finanzjament baxx, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ capacity building. Dan iwassal biex il-unions qed jispiċċaw fi żvantaġġ f’oqsma ewlenin bħar-riċerka, rappreżentanza internazzjonali, u t-titjib tas-servizzi ġenerali tagħhom.
Filwaqt li xi wħud isostnu li l-unions jistgħu jaċċessaw fondi permezz ta’ programmi tal-UE bħall-European Social Fund Plus (ESF+), din s-soluzzjoni rarament tkun prattika. L-esperjenza turi li l-maġġoranza ta’ dawn il-fondi jmorru għand il-gvernijiet stess, u b’hekk l-unions ma jistgħux jikkompetu fuq livell ugwali. Dan l-iżbilanċ sistematiku jikkomprometti l-għan tal-UE li ssaħħaħ id-djalogu soċjali, peress li l-unions qed jitħabtu biex jirrappreżentaw b’mod effettiv lill-ħaddiema f’suq tax-xogħol li qed jinbidel b’ritmu mgħaġġel.
L-isfidi li qed jiffaċċjaw l-unions huma aggravati aktar mill-avvanzi teknoloġiċi bħal-intelliġenza artifiċjali (AI). Kif jistgħu l-unions ilaħħqu mal-impatt tal-AI fuq il-post tax-xogħol, biex ma nsemmux jużaw l-AI huma stess, mingħajr il-mezzi finanzjarji biex iqabbdu esperti u jiżviluppaw soluzzjonijiet speċifiċi? Fir-realtà l-unions m’għandhomx għażla għax eventwalment se jkollhom iħaddnu dawn it-teknoloġiji – għax se jkunu essenzjali biex jifhmu d-dinamika kumplessa tas-suq tax-xogħol, itejbu l-ħiliet tagħhom fin-negozjati, u jħarsu d-drittijiet tal-ħaddiema f’dinja dejjem aktar awtomatizzata.
Biex din il-lakuna tkun indirizzata, il-UHM Voice of the Workers qed tipproponi t-twaqqif ta’ aġenzija tal-UE dedikata lill-unions biex tkun ta’ appoġġ fl-isforzi tagħhom ta’ capacity building. Din l-aġenzija tiżgura li l-fondi maħsuba biex itejbu d-djalogu soċjali jaslu direttament għand l-unions, u b’hekk jippermettulhom jinvestu f’oqsma kruċjali bħat-trasformazzjoni diġitali, l-għarfien legali, u t-taħriġ tal-ħaddiema.
Din il-proposta mhix biss dwar l-għajnuna għall-unions, iżda dwar il-ħarsien tal-futur tad-djalogu soċjali nnifsu. Mingħajr unions b’saħħithom, ir-relazzjonijiet industrijali jirriskjaw li jeħżienu jew jiddgħajfu, u magħhom l-isforzi tal-UE biex ikun hemm suq tax-xogħol ġust.
Jekk l-UE tassew temmen fid-djalogu soċjali bħala pilastru tal-politika tax-xogħol tagħha, trid timpenja ruħha biex tipprovdi għajnuna mmirata għall-unions. Aġenzija dedikata mhix biss hi soluzzjoni amministrattiva – hija investiment strateġiku fis-suq tax-xogħol Ewropew, li tipprovdi lill-unions l-għodod meħtieġa biex jindirizzaw l-isfidi tal-futur u tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-ħaddiema.