Ħames pajjiżi se jirċievu aktar minn €1 biljun f’għajnuna mill-UE wara diżastri naturali
Il-MPE approvaw aktar minn €1 biljun f’għajnuna mill-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE biex jappoġġjaw l-isforzi ta’ rkupru f’ħames pajjiżi tal-UE minħabba għargħar kbir li seħħ fl-2023.
L-ammont ta’ €1,028,541,689 mill-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (EUSF) se jinqasam kif ġej:
- Italja: €378.8 miljun għar-reġjun ta’ Emilia-Romagna wara ħsarat minn għargħar f’Mejju 2023, u €67.8 miljun addizzjonali għar-reġjun ta’ Toscana wara għargħar f’Ottubru u Novembru 2023.
- Slovenja: €428.4 miljun biex jindirizzaw il-konsegwenzi tal-għargħar f’Awwissu 2023.
- Awstrija: €5.2 miljun biex jgħinu bil-ħsarat tal-għargħar minn Awwissu 2023.
- Greċja: €101.5 miljun biex jappoġġjaw l-isforzi ta’ rkupru wara l-għargħar ta’ Settembru 2023.
- Franza: €46.7 miljun għall-ħsarat tal-għargħar li ġarrab ir-reġjun ta’ Hauts-de-France f’Novembru 2023.
L-għajnuna tal-EUSF se tkopri parti mill-ispejjeż tal-operazzjonijiet ta’ emerġenza u rkupru, inkluż it-tiswija ta’ infrastruttura bil-ħsara, il-ħarsien tal-wirt kulturali, u l-operazzjonijiet ta’ tindif.
Il-MPE esprimew is-“solidarjetà tagħhom l-aktar profonda mal-vittmi kollha, il-familji tagħhom u l-individwi kollha milquta mill-għargħar fl-Italja, is-Slovenja, l-Awstrija, il-Greċja u Franza, kif ukoll mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali involuti fl-isforzi ta’ għajnuna”. Huma jsemmu “numru dejjem jiżdied ta’ diżastri naturali severi u distruttivi fl-Ewropa” u jqisu li “l-baġit tal-EUSF jew ekwivalenti tiegħu għandu jiġi estiż fid-dawl tal-proposta li jmiss tal-Kummissjoni dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali ġdid.”
Il-pakkett ta’ għajnuna ġie approvat b’632 vot favur, seba’ kontra u tliet astensjonijiet.
Aktar informazzjoni tista’ tinstab hawn (proposta tal-Kummissjoni) u fir-rapport tal-PE mir-rapporteur Georgios Aftias (EPP, il-Greċja). Ara d-diskors tal-plenarja tar-rapporteur billi ssegwi dan il-link.
Sfond
Sa mit-tnedija tiegħu fl-2002, l-EUSF immobilizza aktar minn €8.6 biljun għal 130 diżastru (110 diżastri naturali u 20 emerġenza tas-saħħa) f’24 stat membru (kif ukoll ir-Renju Unit) u erba’ pajjiżi ta’ adeżjoni (l-Albanija, il-Montenegro, is-Serbja u t-Turkija).