Ħaddiema bi dħul baxx għandhom jissieħbu f’union
Meta wieħed josserva x’qed jiġri fis-suq tax-xogħol, naraw influss kbir ta’ ħaddiema barranin. Meta jaslu Malta wħud mill-ħaddiema barranin ma jikkunsidrawx il-possibbiltà li jissieħbu f’union tal-għażla tagħhom, hemm oħrajn li ma jitħallewx jagħmlu dan u hemm oħrajn li jiġu mhedda jekk jissieħbu f’union.
Il-UĦM Voice of the Workers ilha tħambaq biex tkun tassattiva ma’ dawk il-ħaddiema bi dħul baxx li jkunu f’union. Ir-raġuni hi li hemm suq tax-xogħol li għaddej b’ritmu sfrenat u jekk ma jkunux stabbiliti ċertu parametri u jintlaħaq bilanċ bejn min iħaddem u l-ħaddiema (u l-bilanċ bħalissa jxaqleb favur min iħaddem), l-istess ħaddiema se jitilfu minn din l-istorja.
Is-soluzzjonijiet jinstabu fid-djalogu soċjali bejn min iħaddem u l-unions. Jekk hemm ħaddiema u employers li mhumiex parti mid-djalogu soċjali, mela dawn qed joħolqu l-problema u jaffettwaw lil min jagħmel parti mid-djalogu soċjali.
Huwa għaldaqstant importanti li nifhmu li s-sħubija f’union minn ħaddiema bi dħul baxx hija xi ħaġa li għandha tkun b’mod paternalistiku għax tali ħaddiema huma vulnerabbli u tabilħaqq jeħtieġu iżjed protezzjoni.
Bħalma jiġru inċidenti fit-toroq tagħna u fejn l-assigurazzjoni tagħmel tajjeb għat-tiġrib li jinqala’, hekk ukoll fis-suq tax-xogħol jistgħu jinqalgħu inċidenti u huwa tajjeb li l-ħaddiema jkunu ‘assigurati’. Min għandu dħul ta’ aktar minn €60,000 għandu l-mezzi biex jara kif jista’ jżid il-protezzjoni tiegħu, imma min qed jgħix bil-paga minima, ta’ xi €9,000 fis-sena, żgur li għandu bżonn lil min jipproteġih.
Sadattant, il-UĦM Voice of the Workers kienet ipproponiet it-twaqqif ta’ fond apposta li jagħmel tajjeb għall-investiment fir-riżorsi umani fid-dinja tax-xogħol f’Malta. Tali fond ikun amministrat mill-korpi kostitwiti u jiffokka l-aktar fuq ir-riċerka, it-taħrig u l-iżvilupp kontinwu.
Ir-riċerka tgħin sabiex ikun hemm informazzjoni meta wieħed jiġi biex ifassal u jimplimenta l-Active Labour Market Policy, i.e., Jobs +. Barra minn hekk, tali fond ikun iffinanzjat billi tinżamm, minn kull impjegat, l-ekwivalenti tal-miżata ta’ sħubija fi trade union. Bla dubju din il-proposta tapplika fejn l-impjegat mhux imsieħeb fi trade union.