Ħaddiema barranin fl-industrija tal-kostruzzjoni fl-akbar riskju
Il-15-il inċident fatali rappurtati fuq ix-xogħol fl-2022 kienu jinvolvu rġiel, li nofshom seħħew fl-industrija tal-kostruzzjoni. Barra minn hekk, sitta minn dawn il-vittmi kienu barranin bil-maġġoranza tal-imwiet fl-industrija tal-kostruzzjoni jkunu kkawżati minn waqgħat mill-għoli.
Din l-informazzjoni toħroġ mir-rapport annwali tal-2022 tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) li fih jingħad li minkejja dawn l-imwiet, it-tendenza ta’ tnaqqis fl-inċidenti fuq il-post tax-xogħol li ilha tiġi reġistrata mill-2002 kompliet. Din il-konklużjoni toħroġ minn analiżi statistika komprensiva li saret mill-OHSA.
Ir-rata medja annwali ta’ mwiet għal kull 100,000 ħaddiem hija ta’ 3.37, fejn instabu numru ta’ fatturi ta’ riskju li jżidu l-probabbiltà ta’ inċidenti fatali. Bħala medja, ix-xogħol fil-kostruzzjoni jammonta għal 2.02 imwiet għal kull 100,000 ħaddiem, li minnhom 1.17 iseħħu bħala riżultat ta’ waqgħat perikolużi. Ħaddiema barranin jammontaw għal 0.99 imwiet annwali minn kull 100,000, filwaqt li l-imwiet ta’ ħaddiema barranin fil-kostruzzjoni jammontaw għal 0.75 minn kull 100,000.
Kif mistenni, jirriżulta li l-korrimenti annwali medji għal kull 1,000 ħaddiem fis-setturi tal-kostruzzjoni u tat-trasport u l-ħażna (madwar 36.2 u 36.4 korrimenti kull sena rispettivament) huma akbar b’mod sinifikanti mill-korrimenti annwali medji fis-setturi tal-manifattura u l-akkomodazzjoni u l-ikel (madwar 27.2 u 19.2 korrimenti kull sena rispettivament), li min-naħa tagħhom huma akbar b’mod sinifikanti mill-korrimenti annwali medji fis-settur tal-bejgħ bl-ingrossa, bl-imnut u tiswija (madwar 11.0 korriment kull sena). Dawn ir-rati jirriflettu l-perikli li għalihom huma esposti l-impjegati fl-industriji rispettivi bil-kostruzzjoni tikklassifika l-aktar perikoluża.
L-analiżi tenfasizza wkoll l-impatt pożittiv tal-azzjonijiet tal-OHSA fuq ir-rati ta’ korrimenti u mwiet, fid-dawl tar-rabta osservata bejn in-numru ta’ inċidenti u diversi interventi tal-OHSA, inklużi spezzjonijiet u l-ħruġ ta’ multi amministrattivi. Min-naħa l-oħra il-ħatra ta’ persuni bi dmirijiet legali, fosthom supervisors tal-proġetti għandha impatt negliġibbli fuq it-titjib fir-rati ta’ inċidenti.
Is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol fl-industrija tal-kostruzzjoni kienet kwistjoni taħraq speċjalment fl-aħħar snin li fihom dan is-settur esperjenza espansjoni qawwija. Barra minn hekk, iż-żieda fl-għoli tal-bini minn żewġ sulari sa tliet sulari tradizzjonali għal sitta, sebgħa u saħansitra ogħla ġabet riskji akbar għall-ħaddiema. Xogħlijiet ta’ skavar, xi drabi joħolqu wkoll riskji ġodda li sa ftit snin ilu ma kinux hemm.
Iffaċċjat minn kritika dejjem tikber, il-gvern beda riforma li għandha l-għan li tirregola l-industrija tal-kostruzzjoni permezz tal-introduzzjoni tal-liċenzji għall-kuntratturi tal-bini. Dan ir-rekwiżit għandu japplika kemm għal xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, tħaffir u twaqqigħ u huwa ttamat li din ir-riforma ġġib livelli ogħla f’termini ta’ sigurtà fuq il-post tax-xogħol u serħan tal-moħħ għal terzi persuni