Ħaddiema barranin aktar interessati li jiksbu ħiliet ġodda
Il-ħaddiema barranin huma aktar inklinati li jtejbu u jakkwistaw ħiliet ġodda meta mqabbla ma’ dawk Maltin. Din ix-xejra toħroġ mir-rapport finali tal-Malta Skills Survey tal-2022, maħruġ mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika. Ir-rapport joffri ħarsa ġenerali komprensiva tal-ħiliet ta’ individwi ta’ bejn il-15 u l-64 sena li jgħixu fil-Gżejjer Maltin.
L-istħarriġ juri li nofs dawk li mhumiex ċittadini tal-UE (50.3%) esprimew ix-xewqa li jsaħħu l-ħiliet tagħhom, segwiti minn ċittadini tal-UE li jgħixu Malta b’rata kemm kemm aktar baxxa ta’ 48.4%. B’kuntrast, 38.4% biss taċ-ċittadini Maltin esprimew interess simili li jtejbu l-ħiliet tagħhom. Madankollu, meta kienu mistoqsija jixtiequx jattendu għal xi taħriġ, il-livelli ta’ interess kienu għoli ħafna fil-gruppi kollha, b’rati li jvarjaw bejn 91.6% u 95.1%.
Individwi b’edukazzjoni terzjarja kienu l-aktar probabbli li juru interess f’taħriġ kontinwu, b’medja ta’ 50.6%. Fl-oqsma edukattivi kollha, aktar minn 90% ta’ dawk li riedu jtejbu l-ħiliet tagħhom kienu lesti li jagħmlu aktar taħriġ. Fost l-214,480 individwu impjegat, 43.8% esprimew ix-xewqa li jsaħħu l-ħiliet tagħhom, bil-biċċa l-kbira tagħhom lesti li jattendu aktar taħriġ. Professjonisti, maniġers, u tekniċi/professjonisti kienu l-aktar kategoriji interessati fit-titjib tal-ħiliet.
Aktar minn 62% ta’ dawk interessati li jtejbu l-ħiliet tagħhom kellhom l-għan li jsaħħu l-ħiliet relatati mal-impjieg attwali tagħhom, filwaqt li madwar 40% kienu interessati f’ħiliet mhux relatati mal-impjieg tagħhom. Il-ħiliet tal-kompjuter kienu l-aktar popolari fost dawk li xtaqu jtejbu l-ħiliet tagħhom, segwiti minn ħiliet fit-tmexxija. Dawk b’edukazzjoni sekondarja jew baxxa kienu l-aktar interessati li jtejbu l-ħiliet tal-kompjuter, filwaqt li individwi b’edukazzjoni terzjarja kienu aktar interessati li jtejbu l-ħiliet fit-tmexxija.
Ir-rapport jindika li biex isiru policies dwar it-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol m’għandux jitpoġġa kulħadd f’keffa waħda. Fatturi soċjo-demografiċi bħall-età, is-sess, id-distrett ta’ residenza, il-livell edukattiv, u l-istatus ta’ impjieg huma fatturi importanti, li jeħtieġu strateġiji apposta biex jintlaħqu dawn il-miri.