Ġorġja: Il-President Zourabichvili tappella lill-UE biex tieħu azzjoni u tiddefendi l-valuri tagħha
Il-President tal-Ġorġja, Salome Zourabichvili, għamlet diskors lill-Parlament Ewropew fi Strasburgu. Filwaqt li laqgħet lill-President Zourabichvili fil-plenarja, il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, qalet: “Meta żort din id-Dar l-aħħar darba, iddiskutejna l-progress tal-pajjiż tiegħek lejn is-sħubija fil-familja Ewropea tagħna. Illum, din il-mixja tinsab taħt theddida. Naf li hemm ħafna fil-Ġorġja li llum jibżgħu mill-futur ta’ pajjiżhom. Nitkellem f’isem din id-Dar kollha meta ngħid lil dawk il-Ġorġjani kollha li qed ifittxu l-appoġġ u l-futur tagħhom fl-Ewropa: m’intomx waħedkom. Narawkom, nisimgħukom, qegħdin magħkom. Din id-Dar tibqa’ soda mal-Ġorġja fil-mixja tagħha lejn l-Ewropa.”
Fil-kummenti tagħha lill-MPE, il-President Zourabichvili tkellmet dwar il-moviment ta’ protesta li qed jaħkem lill-Ġorġja wara l-elezzjonijiet parlamentari ta’ Ottubru: “F’ċertu sens, inħossu bħal donnu erġajna lura għall-1921”, qalet, “għax ix-xeni qed jerġgħu jirrepetu ruħhom” (…) “Dan hu li jispjega l-kuraġġ u d-determinazzjoni tal-poplu Ġorġjan. Huma jaraw dak li qed jiġri bħala ħtif tal-libertà, tal-futur, u f’ċertu sens, tal-indipendenza tagħhom.”
Madankollu, hija saħqet li dan huwa moviment paċifiku, mhux wieħed rivoluzzjonarju. “Aħna qed nitolbu biss żewġ affarijiet: agħtuna lura l-vuċi tagħna, minħabba l-elezzjonijiet misruqa, u agħtuna lura l-futur Ewropew tagħna” permezz ta’ elezzjonijiet ġodda.
Il-President Zourabichvili qalet li l-Ġorġja mhijiex soċjetà maqsuma fi tnejn, iżda pajjiż fejn il-poplu Ġorġjan jinsab f’rokna u l-apparat repressiv ta’ partit wieħed fl-oħra. Hija spjegat ukoll kif, fl-aħħar snin, il-Ġorġja qed tiddawwar dejjem aktar lejn sistema awtoritarja, u qalet lill-MPE: “L-Ewropa s’issa tat l-appoġġ tagħha għall-parti tal-isfida. Ħadet azzjoni bil-mod. Tista’ u għandha tagħmel ħafna aktar.”
Il-President Zourabichvili appellat lill-Ewropa u lill-Punent biex jipprovdu appoġġ politiku kontinwu lill-vuċijiet demokratiċi tal-Ġorġja, appoġġ għas-sewwa u l-ħelsien tal-priġunieri politiċi, kif ukoll appoġġ sod għat-talbiet għal elezzjonijiet ġodda.
Fl-aħħar, il-President Zourabichvili enfasizzat li dak li qed jiġri fil-Ġorġja jmur lil hinn mid-demokrazija u mill-għażliet politiċi tagħha – huwa wkoll dwar l-Ewropa u l-interessi strateġiċi tagħha. Jekk il-Ġorġja taqa’ taħt il-kontroll Russu, “se taffettwa kollox, mis-sigurtà tal-Baħar l-Iswed għas-sostenibbiltà, sal-futur Ewropew tal-Armenja. (…) Ir-riskji jkunu kbar.”
Tista’ tara id-dibattitu mill-ġdid (18.12.2024). Dan kien it-tieni diskors tal-President Zourabichvili fil-plenarja, wara diskors ieħor li għamlet fit-31 ta’ Mejju 2023.