Ftehim kollettiv ġdid għal 33,000 ħaddiem tas-Servizz Pubbliku
33,000 ħaddiem fis-servizz pubbliku se jgawdu minn kundizzjonijiet aħjar grazzi għal ftehim kollettiv ġdid iffirmat dalgħodu.
Il-UHM Voice of the Workers tilqa’ dan il-ftehim li fih kellha sehem importanti fin-negozjati. Il-ftehim jidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar li ġej u jkopri sal-2030.
Dan il-ftehim jagħti żidiet apparti dak li diġà ngħataw ħaddiema tas-Servizz Pubbliku fuq livell settorjali.
L-iffirmar sar f’ċerimonja li saret f’Kastilja. F’isem il-UHM iffirmaw il-Kap Eźekuttiv Josef Vella u d-Direttur Mario Sacco.
Il-UHM tirringrazzja lill-kamra tal-aħbarijiet ta’ L-Orizzont, li bagħtulna dawn ir-ritratti. Dan għaliex uffiċjal fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru irrifjuta li jagħti aċċess lill-portal tal-UHM – il-Voice of the Workers Weekly – biex niġbdu r-ritratti ta’ din iċ-ċerimonja.
Il-Kap Eżekuttiv tal-UHM Josef Vella qal li hi ħasra li ċ-ċelebrazzjoni ta’ dan il-ftehim li jolqot eluf ta’ familji ġiet imtappna b’dan l-aġir fil-konfront tal-portal tal-Union.
Tajjeb li niċċaraw li dan il-portal għandu l-akkreditazzjoni neċessarja mad-Dipartiment tal-Informazzjoni imma għal xi raġuni din it-tessera qatt ma waslet. Dan hu kkonfermat minn korrispondenza li tmur lura sentejn meta kienet saret l-applikazzjoni, u minn oħra riċenti li saret biex din l-akkreditazzjoni tiġġedded mill-ġdid għas-sentejn li ġejjin.