Il-MPE u l-Presidenza Pollakka tal-Kunsill qablu fuq regoli ġodda biex jindirizzaw l-impunità u jintroduċu skwalifiki tas-sewqan madwar l-UE għal sewwieqa li jikkomettu reati u kontravenzjonijiet.

Dar sar permezz ta’ ftehim proviżorju bejn in-negozjaturi tal-Parlament u tal-Kunsill fuq regoli ġodda li jiżguraw li s-sospensjoni jew revoka tal-liċenzja tas-sewqan tkun tapplika f’kull pajjiż tal-UE u mhux biss fejn inħarġet is-sanzjoni.

Bħalissa, jekk sewwieq jitlef il-liċenzja tiegħu wara reat tat-traffiku f’pajjiż tal-UE differenti minn dak li ħariġlu l-liċenzja, is-sanzjoni normalment tapplika biss fil-pajjiż fejn twettaq ir-reat, u mhux fil-pajjiż fejn kienet maħruġa l-liċenzja jew f’xi stat membru ieħor tal-UE. Skont il-ftehim bejn il-MPE u l-Kunsill, irtirar, sospensjoni jew restrizzjoni tal-liċenzja tas-sewqan se jiġu notifikati lill-pajjiż tal-UE li ħareġ il-liċenzja, sabiex jinforza l-penali u jiżgura li tiġi applikata madwar l-UE kollha.

Kawżi ta’ penali madwar l-UE

Bir-regoli l-ġodda fis-seħħ, il-pajjiżi tal-UE jkollhom jinfurmaw lil xulxin, mingħajr dewmien żejjed, dwar deċiżjonijiet fuq skwalifiki tas-sewqan relatati mal-aktar reati serji tat-traffiku – inkluż sewqan taħt l-influwenza tax-xorb jew tad-droga, involviment f’inċident fatali, jew eċċess ta’ veloċità (eż. sewqan b’50 km/h jew aktar ‘il fuq mil-limitu ta’ veloċità).

Matul in-negozjati, l-MPE irnexxielhom jipperswadu lill-pajjiżi tal-UE biex idaħħlu skadenza ta’ 20 ġurnata tax-xogħol biex jinfurmaw lis-sewwieq ikkonċernat dwar deċiżjoni dwar is-sanzjoni tiegħu u dwar il-proċedura li jista’ juża biex jikkontestaha.

Il-MPE ukoll assiguraw li l-Kummissjoni għandha tevalwa, ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet il-ġodda, jekk għandhiex tespandi l-lista ta’ reati tas-sewqan li jwasslu għall-applikazzjoni ta’ sanzjoni madwar l-UE u jekk għandhiex tintroduċi skadenzi aktar stretti għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE biex itejbu l-implimentazzjoni tar-regoli l-ġodda.

Passi li jmiss

Il-ftehim informali dwar ir-regoli tal-iskwalifika tas-sewqan għad irid jiġi approvat kemm mill-Kunsill kif ukoll mill-Parlament.