Frisk u lokali – imma sakemm?
Ir-riżultati taċ-ċensiment tal-agrikoltura tal-2020 kixfu l-mod inkwetanti li bih din l-industrija fil-Gżejjer Maltin qed tmur lura. F’għaxar snin biss, l-azjendi agrikoli naqsu b’16%, l-art użata għat-tkabbir tal-frott u l-ħxejjex naqset b’6% filwaqt li l-art agrikola mhux maħduma żdiedet bi 43%. Sadanittant il-ħaddiema f’dan is-settur naqsu b’26.7%.
Madankollu, jidher li s-soċjetà inġenerali mhux qed tirrealizza dan. Slogans bħal ‘ixtri frisk, ixtri lokali’ juru kemm mhux qed nifhmu s-serjetà tas-sitwazzjoni. Jidher li l-maġġoranza mhux qed jirrealizzaw li b’din ir-rata se jintlaħaq il-punt fejn ma jkunx hemm tali għażla għas-sempliċi raġuni li l-agrikoltura Maltija se tispiċċa. Rimarki riċenti li saru mill-Għaqda Bdiewa Attivi qanqlu dibattitu u poġġew din il-kwistjoni fuq l-aġenda tal-pajjiż. Il-bdiewa qed iwissu li jekk l-applikazzjonijiet kollha pendenti għall-iżvilupp barra z-zoni tal-bini jiġu approvati, iwasslu biex jintilfu 75 tomna oħra ta’ art agrikola.
Għalkemm l-industrija agrikola ilha sejra lura għexieren ta’ snin, peress li l-ġenerazzjonijiet żgħar ma jarawx dan is-settur li joffri karriera attraenti, is-sitwazzjoni kompliet tmur lura tort ta’ ċertu deċiżjonijiet.
L-ewwel u qabel kollox, iż-żieda qawwija fil-popolazzjoni flimkien mal-influss qawwi ta’ turisti qed ikollhom impatt negattiv f’kollox. Hemm sinjali ċari li l-kura tas-saħħa, it-toroq, id-djar, is-servizzi essenzjali, l-ilma, l-elettriku u l-ambjent qed ibatu biex ilaħħqu maż-żieda qawwija fid-domanda. L-industrija tal-katina tal-ikel mhijiex eċċezzjoni. Fuq naħa, id-domanda qed tiżdied hekk kif hemm aktar ħluq x’nitimgħu, filwaqt li fl-istess ħin il-provvista lokali qed tonqos hekk kif hemm inqas bdiewa u inqas art li tinħadem. Għalissa, qed niddependu fuq l-importazzjoni biex nagħmlu tajjeb għat-tnaqqis mis-settur lokali fil-provvista tal-ikel. Madankollu, aktar dipendenza fuq dan il-mudell tirriskja li tħallina kompletament esposti f’każ ta’ ċirkostanzi internazzjonali mhux fil-kontroll tagħna bħal xi pandemija jew tensjonijiet ġeo-politiċi globali bħall-gwerra fl-Ukrajna. Filwaqt li ħadd ma jista’ jibqa’ f’iżolament totali – jiġifieri ma jkunx realistiku li toħlom li nkunu kompletament awto-suffiċjenti – ikun ugwalment ġenn jekk nibqgħu niddependu kompletament fuq pajjiżi oħra. L-istorja turi, li kull meta pajjiż jiffaċċja inkwiet li ġej minn inflazzjoni għolja u nuqqas ta’ ikel dan wassal għal inkwiet kbir. Fil-każ tagħna dan kien il-katalist li wassal għall-irvellijiet tas-Sette Giuno u sussegwentement fit-Tieni Gwerra Dinjija kważi wassal biex Malta ċediet (li kieku ma kienx għall-bdiewa Għawdxin li kienu ġew persważi mill-Isqof Gonzi biex jikkontribwixxu).
Lura għal żminijietna huwa kruċjali li l-gvern jagħti prijorità lis-settur agrikolu mhux biss billi jivvota l-flus għall-problema, iżda wkoll billi joffri inċentivi biex iħajjar liż-żgħażagħ għal karriera f’dan is-settur filwaqt li jippreserva dak li fadal mill-art agrikola. Bil-paroli biss billi ngħidu ‘ixtri frisk, ixtri lokali’ nispiċċaw bi slogan nostalġiku u aktar inkwetanti minn hekk Malta kollha tispiċċa bi problema serja.