Fondi tal-UE għall-iżvilupp tax-xjenza u t-teknoloġija
Kumpaniji li jipproduċu l-ikel allegatament qed ibigħu prodotti ta’ kwalità inferjuri f’xi pajjiżi tal-UE. Il-Kumitat tal-Parlament dwar is-Suq Intern eżamina din il-kwistjoni.
Studji juru li xi prodotti tal-ikel li qed jinbiegħu f’xi pajjiżi tal-UE Ċentrali u tal-Lvant, għalkemm mhux perikolużi, huma ta’ kwalità inferjuri għall-istess prodotti tal-ikel f’imballaġġ differenti li jinbiegħu fl-Ewropa tal-Punent. Dan ivarja minn kwantità inqas ta’ laħam fi prodotti tal-laħam, għal ammonti iżgħar ta’ kawkaw fiċ-ċikkulata, nuqqas ta’ larinġ fil-meraq jew fil-ġulepp tal-larinġ, kif ukoll fl-użu ta’ ħlewwiet artifiċjali minflok iz-zokkor.
Il-verifiki saru fuq il-luminati, il-laħam, il-ħut u l-prodotti tal-ħalib, it-te u l-ħelu. Il-fish sticks kien fihom inqas ħut fis-Slovakkja milli fl-Awstrija (58% vs 65%). Ebda larinġ ma ntuża fix-xorb tal-larinġ fis-Slovakkja u r-Repubblika Ċeka, filwaqt li dawk mibjugħin fil-Ġermanja kien fihom 3% konċentrat tal-larinġ. Fl-Ungerija 71 minn 96 prodott kienu differenti mill-istess prodotti mibjugħin fl-Italja u l-Awstrija. Differenzi nstabu wkoll fil-prodotti kożmetiċi, fid-deterġenti u fl-ikel tal-annimali.
Aġġustament ta’ prodotti għall-gosti, preferenzi u prezzijiet lokali huwa prattika standard, u dan jista’ jkun ukoll legali. Id-differenza fit-togħma tista’ tkun ġejja mill-użu ta’ ingredjenti lokali fil-fabbriki lokali jew ingredjenti irħas minħabba l-kapaċità tal-akkwist lokali. Imma f’dan il-każ, il-prezzijiet kienu l-istess jew ogħla, mingħajr ebda indikazzjoni fuq l-imbalaġġ, ħaġa li kienet tammonta għal qerq.
Biex tgħin aħjar lill-pajjiżi tal-UE jidentifikaw dawn il-prattiki illegali, il-Kummissjoni Ewropea dan l-aħħar ħarġet linji gwida dwar kif tiġi applikata l-liġi tal-UE f’każ ta’ bejgħ ta’ prodotti ta’ kwalità inferjuri. “Il-kumpaniji jistgħu legalment jiddifferenzjaw bejn il-prodotti tagħhom, imma dan irid isir b’mod li jinftiehem mill-konsumaturi,” qal ir-rappreżentant tal-Kummissjoni, Francisco Fonseca Morillo. “Il-konsumaturi ma għandhomx jiġu mqarrqa.”
Huwa qal ukoll li l-kumpaniji ma għandhomx jagħtu lill-konsumaturi l-impressjoni li prodotti mgeżwra fl-istess imballaġġ u mibjugħa taħt l-istess marka huma tal-istess kwalità jew kompożizzjoni jekk dan ma jkunx il-każ.
Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tonfoq €2 miljuni fuq studji ulterjuri.