Fondi tal-UE għall-iżvilupp tax-xjenza u t-teknoloġija
Il-qafas ‘Kooperazzjoni Ewropea fix-Xjenza u t-Teknoloġija’ (magħruf aħjar bħala COST) huwa l-aktar qafas tal-UE li ilu jiffunzjona u jissapportja l-koperazzjoni transnazzjonali fost ir-riċerkaturi, l-inġiniera u l-istudjużi madwar l-Ewropa.
COST jiffinanzja n-netwerks pan-Ewropej ta’ xjenzati u riċerkaturi, li jaħdmu b’approċċ minn isfel għal fuq f’kull qasam tax-xjenza u t-teknoloġija. Dawn in-netwerks, imsejħa ‘COST Actions’, jippromovu kordinament internazzjonali ta’ riċerki ffinanzjati b’fondi nazzjonali.
Kull ‘COST Action’ għandu miri oġġettivi definiti u objettivi ċari. Dawn huma deskritti fil-Memorandum ta’ Ftehim aċċettat mill-inqas minn seba’ stati membri parteċipanti f’COST. Wieħed jista’ jaqra dwar il-COST Actions li għadhom għaddejjin.
Il-‘COST Actions’ ikopru firxa ta’ għodda ta’ netwerking, bħal laqgħat, workshops, konferenzi, skejjel ta’ taħriġ, missjonijiet xjentifiċi fuq terminu qasir ta’ żmien, u attivitajiet ta’ disseminazzjoni. Dawn l-azzjonijiet huma miftuħa għar-riċerkaturi mill-universitajiet, mill-istituzzjonijiet pubbliċi u privati ta’ riċerka, kif ukoll minn NGOs, l-industrija u l-SMEs.
Il-baġit medja ta’ ‘COST Action’ jiddependi min-numru tal-Istati Membri COST parteċipanti fl-‘Action’ partikolari. Il-fondi huma pprovduti permezz ta’ ftehim annwali rigward l-għotja.
COST jistieden ir-riċerkaturi madwar l-Ewropa biex jissottomettu proposti għal ‘COST Actions’ permezz ta’ sejħa miftuħa kontinwa.
Għal aktar informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ fondi tal-UE jekk jogħġbok ikkuntattja lil MEUSAC fuq 2200 3300 jew ibgħat e-mail lil funding.meusac@gov.mt.