Fl-aħħar erba’ snin il-prezz ta’ prodotti essenzjali żdied sa 80%
Skont studju tal-Caritas, fl-aħħar erba’ snin basket ta’ oġġetti essenzjali bażiċi għal familja ta’ erba’ persuni żdied b’37%. Iż-żieda kienet saħansitra aktar qawwija għall-koppji anzjani fejn jirriżulta li l-ispiża kważi rdoppjat, filwaqt li fil-każ ta’ ġenitur wieħed b’żewġt itfal iż-żieda kienet ta’ 53%.
Ir-riżultati ġew ippubblikati fir-raba’ edizzjoni ta’ The Minimum Essential Budget for A Decent Living (MEBDL), li huwa studju dettaljat li sar mill-Caritas b’kollaborazzjoni ma’ akkademiċi u diversi esperti.
Skont dan l-istudju familja magħmula minn żewġ adulti u żewġt itfal (sa 16-il sena) fl-2024 teħtieġ dħul annwali ta’ €19,153 għal basket ta’ oġġetti essenzjali. Dan jinkludi tmien kategoriji: ikel, ħwejjeġ, kura personali, saħħa, manutenzjoni tad-dar, edukazzjoni, kultura, rigali, trasport u akkomodazzjoni. Meta mqabbel mal-istudju preċedenti li sar fl-2020, ħareġ li l-ispiża annwali tal-basket żdiedet b’€5,207 li hija ekwivalenti għal 37%.
Fil-każ ta’ ġenitur waħdu b’żewġt itfal il-kont annwali rispettiv tela’ minn €11,038 fl-2020 għal €17,012 fl-2024 – żieda ta’ 53%.
L-akbar qabża kienet għall-koppji anzjani fejn l-ispiża annwali li fl-2020 kienet ta’ €8,156 telgħet għal €14,731 – żieda ta’ 80%.
Filwaqt li rrikonoxxa li kull kategorija ġiet affettwata b’mod sinifikanti, biż-tkun mill-inqas €5,000 fis-sena, ir-rapport wissa biex il-paragun mal-2020 isir b’ ‘kawtela estrema’.
Dan sar fid-dawl tal-fatt li saru xi żidiet lill-basket (bħal żieda fis-sigħat tal-użu tal-arja kundizzjonata, top-up tal-mowbajl kull xahar, rati tal-kera, użu okkażjonali ta’ taxi, mediċini u visti tat-tabib privat. Bidliet oħra kienu fil-ħwejjeġ ta’ kuljum (li minn sentejn kien stmat li jinbidlu kull sena), spejjeż ta’ manutenzjoni tad-dar li kienu eċċezzjonalment għoljin għalkemm skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dawn l-istimi setgħu ma kienux daqshekk preċiżi, u l-perjodu ekonomiku mhux tas-soltu li kkaratterizzat minn inflazzjoni qawwija.
Is-sejbiet ta’ dan ir-rapport jikkonfermaw tħassib li tqajjem fl-aħħar snin speċjalment wara l-pandemija tal-Covid-19 li wasslet għal inflazzjoni rekord f’diversi setturi speċjalment oġġetti tal-ikel. Din ix-xejra ’l fuq kienet rappurtata wkoll fil-propjetà minħabba żieda qawwija fil-popolazzjoni kif ukoll fl-industrija tal-manutenzjoni tad-dar. Min-naħa tiegħu l-gvern ipprova jtaffi dawn l-effetti billi jissussidja l-enerġija, il-prezzijiet tal-fjuwil u ċ-ċereali, żieda fil-benefiċċji għall-familji vulnerabbli u dan l-aħħar skema biex ikunu kontrollati l-prezzijiet tal-ikel bażiku.
L-istudju sħiħ jista’ jiġi aċċessat permezz ta’ din il-link.