Fl-2024 il-prezzijiet tal-ikel baqgħu stabbli, u dan jindika tmiem taż-żieda qawwija fl-inflazzjoni kkawżata mill-gwerra fl-Ukrajna u l-pandemija tal-Covid-19. Madankollu, ta’ min jiċċara fatt importanti: il-konsumaturi xorta għadhom iħallsu prezzijiet għoljin għax fl-aħħar mill-aħħar il-prezzijiet ma raħsux.  Dan ifisser li, jekk ma kellhomx żieda sinifikanti fid-dħul biex tikkumpensa għal dawn l-ispejjeż, għadhom qed iħossu l-piż.

Din ix-xejra ħarġet mill-aħħar ċifri tal-istħarriġ dwar il-monitoraġġ tal-prezzijiet li l-UHM Voice of the Workers ilha tagħmel sa mill-bidu tal-2022. Jirriżulta li l-prezz medju tax-xirja mit-tliet supermarkets ewlenin li qed jiġu mmonitorjati żdied minn €159.63 f’Diċembru 2023 għal €161.33 fl-istess xahar ta’ din is-sena. Iż-żieda modesta ta’ €1.65 tidher żgħira meta mqabbla maż-żieda rispettiva tas-sentejn ta’ qabel, li kienet ta’ madwar €11.66 kull sena.

Skont dan l-istudju, xirja li f’Jannar tal-2022 kienet tiswa €136.35, sal-aħħar ta’ Diċembru 2024 kienet għoliet għal €161.32. Din iż-żieda qawwija kienet parzjalment imtaffija mill-kumpens għaż-żieda fil-għoli tal-ħajja (COLA), li kienet ta’ żieda fil-paga ta’ €9.90 fil-ġimgħa fl-2023 u fl-2024 ta’ €12.81 fil-ġimgħa. Madankollu, ħaddiema li ma kellhomx żieda oħra fil-paga, ħlief għal COLA, x’aktarx li tilfu parti sinifikanti mill-poter tax-xiri tagħhom, peress li l-inflazzjoni affettwat ukoll setturi oħra bħall-manutenzjoni tad-djar, l-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni, il-ħwejjeġ, u l-industrija tal-ikel.

Meta nħarsu ’l quddiem, il-COLA għall-2025 mistennija tonqos għal €4.66 – konferma oħra tat-tnaqqis fl-inflazzjoni reġistrata mill-bidu ta’ din is-sena.
L-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-ikel f’Malta mistennija tkompli tnaqqas fl-2025, filwaqt li tkun allinjata ma’ xejriet usa’ fl-ekonomija nazzjonali. Il-Bank Ċentrali ta’ Malta qed ibassar li l-inflazzjoni ġenerali tal-prezzijiet tal-ikel se tkompli tonqos b’mod gradwali, u sal-2026 se tkun madwar 3.0%.

Dan it-tnaqqis huwa mistenni jkun immexxi minn tnaqqis kontinwu fl-inflazzjoni tal-ikel ipproċessat, li qed jitbassar li se tonqos għal 2.9% sal-2026, filwaqt li l-inflazzjoni tal-ikel mhux ipproċessat tista’ turi varjazzjonijiet, iżda mistennija tistabbilizza madwar 3.5% sal-aħħar tal-perjodu tal-previżjoni.

Fl-istess ħin, il-Bank Ċentrali qed ibassar li l-inflazzjoni tal-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) se tonqos minn 5.6% fl-2023 għal 2.5% fl-2024, u aktar għal 2.0% sal-2026.

Dawn il-previżjonijiet jissuġġerixxu li, għalkemm il-prezzijiet tal-ikel se jibqgħu jiżdiedu fl-2025, ir-rata taż-żieda mistennija tnaqqas, u b’hekk tikkontribwixxi għat-tnaqqis usa’ tal-pressjonijiet inflazzjonarji fl-ekonomija Maltija.