Fejn marru l-ħaddiema tas-snajja’ f’Malta?

Fl-aħħar snin, Malta rat tnaqqis qawwi fin-numru ta’ ħaddiema tas-sengħa fosthom ħajjata, ħaddieda, bennejja, min jagħmel il-madum tradizzjonali u l-filugranu. Illum il-ġurnata, il-biċċa l-kbira tax-xogħol fis-siti tal-kostruzzjoni qed isir minn ħaddiema barranin, u t-tradizzjoni tal-artiġjanat qed tisparixxi. Din mhijiex biss kwistjoni ta’ nuqqas ta’ ħaddiema — hija waħda ta’ falliment kulturali.
Bħala ġenituri u edukaturi, ħloqna kultura li bil-mod, u kultant b’mod miftuħ, taqta’ qalb liż-żgħażagħ milli jidħlu għal xogħol manwali. Għallimnihom li s-suċċess jinsab wara mejda fl-uffiċċju, mhux ġo workshop. “Evita xogħol iebes,” ngħidulhom b’mod sottili, “aħdem f’xi uffiċċju — hemm aktar nadif, eħfef, u aktar rispettabbli.” Imma dan veru? Kull xogħol għandu l-inkwiet tiegħu, il-kumplikazzjonijiet, u r-responsabbiltajiet tiegħu. Inkunu qed nagħmlu żball kbir mal-ġenerazzjoni żagħżugħa meta nimbuttawhom f’direzzjoni waħda.
Il-problema hi partikolarment serja fil-grupp ta’ età ta’ bejn 13 u 15-il sena. Ħloqna vojt fejn studenti li għandhom talent għal ħiliet prattiċi ma jingħatawx gwida u appoġġ. Minflok, ntambru li s-suċċess akkademiku hu l-uniku triq ’il quddiem. L-edukazzjoni vokazzjonali għadha meqjusa bħala għażla ta’ emerġenza għal min ifalli li jġib l-O-Levels, minflok bħala triq leġittima u siewja għal karriera. Però r-realtà hi li s-snajja mhux biss iħallsu tajjeb, imma joffru wkoll stabbiltà fit-tul u ċertu stabbiltà finanzjarja.
Sadattant qed niffaċċjaw ukoll kontradizzjoni dejjem tikber fl-istrateġija nazzjonali tagħna. Filwaqt li d-domanda għal ħaddiema tas-sengħa qed tiżdied, qed inkomplu nkabbru s-settur pubbliku u l-entitajiet tal-gvern — qed noħolqu sens falz ta’ sigurtà fil-impjiegi u mbegħdu n-nies ’il bogħod mis-settur privat. Din il-prattika għandha konsegwenzi reali. Pereżempju, nies imħarrġa fis-sengħa fl-avjazzjoni li kienu jaħdmu mal-Air Malta ingħataw xogħlijiet kompletament mhux relatati meta l-linja tal-ajru għalqet. Dik id-deċiżjoni wasslet biex kumpanija privata tal-avjazzjoni, tilfet ammont kbir ta’ ħaddiema li ġew imħajra jmorru mal-KM Malta Airlines. B’hekk is-settur privat intlaqat ħażin u dan xejn ma jawgura tajjeb biex jinġieb iktar investiment.
Minflok inħallu dawn il-ħiliet jintilfu, għala m’aħniex qed nużaw dawn it-talenti biex inħarrġu liż-żgħażagħ? Għala m’aħniex nużaw ħaddiema tas-sengħa b’esperjenza, inkluż dawk li kienu jaħdmu ma’ entitajiet statali, biex jgħallmu? L-esperjenza tagħhom hija ta’ siwi kbir — imma qed titwarrab.
Istituzzjonijiet bħall-MCAST ma jistgħux jerfgħu dan il-piż waħedhom. Li noffru korsijiet vokazzjonali waħedhom, mingħajr bidla fil-kultura u fil-politika, hu kollu għalxejn. Għandna bżonn sforz nazzjonali koordinat — li jinvolvi lill-gvern, lil min iħaddem, lill-unions, lill-edukaturi u lill-familji — biex nerġgħu nroddu d-dinjità lis-snajja tradizzjonali.
Pass prattiku jkun li nintegraw aktar standards ta’ saħħa u sigurtà fl-għoti tal-kuntratti pubbliċi. Li nagħtu punti addizzjonali lil kuntratturi li jżommu livelli għoljin ta’ sigurtà u taħriġ jista’ jgħin biex issir iktar enfasi fuq is-snajja’ u nippreżentawhom bħala karrieri rispettabbli, moderni u professjonali.
L-ekonomija tagħna qed tibki għal ħaddiema tas-sengħa. Imma kemm aħna lesti li nibdlu l-mentalità tagħna? Jew se nibqgħu inħarsu ’l isfel lejn dawn is-snajja’ li huma tant importanti?
