L-inċident ta’ dan l-aħħar fil-Ħamrun, fejn żewġ uffiċjali tal-pulizija ġew aggrediti —allegatament talli ħarġu ċitazzjoni fuq parkeġġ irregolari—qanqal rabja qawwija, speċjalment wara li filmati xxandru fuq il-midja soċjali. Wieħed mill-uffiċjali sofra ġrieħi gravi, u b’xorti tajba ma kienx hemm konsegwenzi aktar gravi, imma s-sitwazzjoni fil-korp tal-pulizija ġiet taħt il-lenti u dak li ġara spiċċa fuq fomm kulħadd inkluż fl-arena politika. Lil hinn mix-xokk u l-kundanna immedjati, dan l-inċident jirrifletti kwistjoni aktar profonda u li tikkonċerna t-tnaqqir tar-rispett għall-infurzar tal-liġi u l-awtorità in ġenerali.

Filwaqt li mhux se nidħlu  fil-merti ta’ dan il-każ partikolari, huwa fatt li qed nassistu għal xejra usa’ ta’ nies li m’għandhomx rispett lejn l-istituzzjonijiet tal-awtorità—mhux f’Malta biss, iżda globalment. Fi kwalunkwe soċjetà jeżisti bilanċ delikat bejn min qiegħed f’pożizzjoni ta’ awtorità, bħall-uffiċjali tal-pulizija u l-pubbliku. Meta dak il-bilanċ jispiċċa, il-konsegwenzi huma serji għaż-żewġ naħat. Hemm, ovvjament, l-argument li xi uffiċjali tal-pulizija jistgħu jaqbżu l-limiti tagħhom u jabbużaw mill-poter tagħhom. Dawn l-istanzi m’għandhom qatt jiġu aċċettati, u jrid ikun hemm responsabbiltà biex tinżamm il-fiduċja bejn il-pulizija u l-pubbliku.

F’Malta, bħal f’ħafna pajjiżi, il-pubbliku jista’ ifittex rimedju jekk iħossu diskriminat jew li ġiet trattat ħażin minn xi membru tal-pulizija. Jeżistu qrati, tribunali u korpi ta’ sorveljanza biex jiżguraw li d-drittijiet taċ-ċittadini jkunu protetti. L-użu ta’ attakki verbali jew fiżiċi, kif allegatament deher fl-inċident tal-Ħamrun, mhux biss jimmina l-proċess legali iżda joħloq ukoll preċedent perikoluż. L-uffiċjali tal-pulizija, bħal kull impjegat pubbliku, iridu jkunu jistgħu jaqdu dmirijiethom mingħajr biża’ ta’ ritaljazzjoni vjolenti. Meta l-pubbliku jibda jħoss li jista’ jattakka lill-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi b’impunità, nirriskjaw li nimminaw is-sisien stess tas-saltna tad-dritt.

Hemm kurrenti soċjali usa’. Fl-aħħar snin kien hemm wisq inċidenti fejn uffiċjali tal-pulizija ġew soġġetti għal abbuż, kemm verbali kif ukoll fiżiku. Dan jista’ jkun sintomu ta’ klima ta’ impunità li qed tikber, fejn individwi jemmnu li jistgħu jevadu l-ġustizzja permezz ta’ konnessjonijiet jew influwenza ma’ nies f’pożizzjonijiet għolja. Jekk dan huwa tassew il-każ, il-konsegwenzi għall-liġi u l-ordni huma gravi għax joħloq ambjent fejn ir-rispett għall-awtorità jitnaqqar, u s-saltna issir dejjem aktar diffiċli biex tkun infurzata.

Madankollu, ir-responsabbiltà biex jinstab dan il-bilanċ ma taqax biss fuq il-pubbliku. Il-forza tal-pulizija nnifisha trid tevolvi wkoll biex tilħaq l-isfidi moderni. Dan imur lil hinn mill-bidliet kożmetiċi, bħal uniformijiet ġodda jew teknoloġija avvanzata. L-uffiċjali tal-pulizija jeħtieġ li jkunu mħarrġa biex jimmaniġġjaw sitwazzjonijiet ta’ tensjoni  u delikati ta’ ordni pubblika, partikolarment f’zoni magħrufa li huma jaħarqu. Is-sistemi ta’ komunikazzjoni fi ħdan il-korp għandhom ikunu robusti, li jippermettu appoġġ immedjat meta l-uffiċjali jkunu fil-periklu. L-introduzzjoni tal-body cams m’għandhiex tkun xi ħaġa għal ftit membri tal-korp iżda għal dawk kollha li jiġu f’kuntatt mal-pubbliku, peress li dan it-tagħmir jistgħu jipprovdu prova ċara kemm dwar l-aġir tal-pulizija kif ukoll tal-pubbliku. Għodod bħal dawn jistgħu jgħinu biex jiżguraw li ż-żewġ naħat ikunu protetti, u kwalunkwe inċident jista’ jiġi analizzat b’mod oġġettiv.

Barra minn hekk, l-opportuniżmu politiku wara inċidenti bħal dawn iservi biss biex ikompli jkabbar it-tensjonijiet. Il-politiċi m’għandhom qatt li jippruvaw jieħdu kapital minn fuq dawn il-mumenti għax ikunu qed jimminaw is-sitwazzjoni huma stess. Minflok, l-enfasi għandha tkun fuq il-ħolqien ta’ soluzzjonijiet dejjiema li jsaħħu r-rispett reċiproku meħtieġ għal soċjetà li tiffunzjona.

L-inċident tal-Ħamrun għandu jitqies bħala sejħa urġenti għas-soċjetà Maltija. Ir-rispett għall-awtorità hu fundamentali biex ikun hawn is-saltna tad-dritt. Meta l-awtorità tal-infurzar tal-liġi tkun mminata, l-integrità tas-sistema kollha tkun f’riskju. Kemm il-pubbliku kif ukoll il-pulizija għandhom rwoli biex jiżguraw li jinżamm dan ir-rispett. Fl-aħħar mill-aħħar, is-saltna tad-dritt u r-rispett għall-awtorità jikkumplimentaw lil xulxin. Waħda trid lill-oħra. Jekk l-inċident tal-Ħamrun jgħallimna xi ħaġa, huwa li wasal iż-żmien li nsibu dak il-bilanċ.