Erġajna koppi!
Sfortunatament qed ikollna sajf ieħor karatterizzat minn qtugħ kontinwu fil-provvista tal-elettriku. F’dan l-isfond ma nistgħux ma nirrimarkawx dwar id-diskrepanza evidenti bejn il-wegħdiet li saru u r-realtà li għaddejjin minna. Is-sena l-oħra, ma nafx kemm-il darba smajna li qtugħ bħal dan kien se jsir xi ħaġa tal-passat, għax qalulna li kien se jsir investimenti bla preċedent biex tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku. Madankollu l-istorja qed tirrepeti ruħha, jekk mhux agħar minn qabel!
Ir-rapport pubblikat dan l-aħħar mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika ikompli jitfa’ l-melħ fil-ferita. Minkejja l-wegħda ta’ investiment qawwi biex titjieb l-infrastruttura tagħna, ġie żvelat li ntefqu biss żewġ terzi tal-baġit allokat. Saħansitra aktar allarmanti minn hekk hu l-fatt li l-investiment attwali fl-2023 kien inqas minn dak li ntefaq għaxar snin ilu fl-2013. Dan jikkontradixxi bis-sħiħ in-narrattiva ta’ progress sinifikanti li xbajna nisimgħu fl-aħħar xhur u fl-istess ħin jqajjem mistoqsijiet serji dwar it-tmexxija u l-prijoritajiet ta’ dawk responsabbli.
L-impatt ta’ dan il-qtugħ fil-provvista tal-elettriku hu wiesa’. Dak li issa suppost li hu netwerk tad-distribuzzjoni aħjar minn tas-sena li għaddiet għadu mhux ta’ min jorbot fuqu, tant li spiċċajna niddependu mill-ġeneraturi tad-diżil biex inżommu s-servizzi essenzjali jaħdmu. Spiċċajna bit-toroq mimlijin b’dawn il-magni storbjużi u li jniġġsu, u ħafna djar kellhom jixtru l-ġeneraturi tagħhom stess biss biex jippruvaw jibqgħu jgħixu ħajja normali. Barra minn hekk, impjant tal-enerġija ta’ emerġenza, li se jkun jaħdem ukoll bid-diżil, iqajjem tħassib mill-aspett ambjentali u tas-saħħa minħabba żieda fl-emissjonijiet.
Din is-sitwazzjoni mhux aċċettabbli. Il-pubbliku kien assigurat li l-qtugħ tad-dawl se jsir xi ħaġa tal-passat, iżda r-realtà kixfet sitwazzjoni ta’ traskuraġni u tmexxija ħażina. Id-dipendenza fuq ġeneraturi tad-diżil mhux biss tfisser nuqqas li tiġi pprovduta provvista ta’ enerġija stabbli iżda tfisser sensiela ta’ perikli ambjentali. Fil-passat mhux daqshekk imbiegħed kien hemm min kien ripetutament jgħid li l-impjanti tal-enerġija tal-fuels tradizzjonali ma kienu xejn aktar minn “fabbrika tal-kanċer” – probabbilment deskrizzjoni kemxejn esaġerata biex jintrebħu punti politiċi għall-fatt li l-ġenerazzjoni tal-enerġija inbidlet mill-heavy fuel oil għall-gass. Imma bl-istess argument, allura issa jfisser li dawn il-fabbriki se jerġgħu jinfetħu?
Minkejja l-evidenza ċara ta’ tmexxija ħażina u wegħdiet miksura, jidher li ftit li xejn hemm kurrenti biex tintrefa r-responsabbiltà. Il-Maltin u l-Għawdxin jixirqilhom aħjar minn wegħdi fiergħa u infrastruttura dgħajfa. Wasal iż-żmien għal azzjoni deċiżiva u trasparenza. Il-pajjiż ma jistax ikompli jbati l-piż ta’ fallimenti bħal dawn. Qatt daqs fil-preżent ma kienet tinħass il-ħtieġa biex tintrefa r-responsabbiltà u biex jinstabu soluzzjonijiet reali u effettivi.