Ejja ma ninsewx l-affarijiet bażiċi

Fl-aħħar jiem, il-Ministru tat-Trasport żvela sensiela ta’ proposti biex iħajjar lis-sewwieqa ma jibqgħux jużaw il-karozza tagħhom għal perjodu temporanju, u minflok ikun hemm inċentivi finanzjarji. Din l-inizjattiva tenfasizza s-serjetà tal-problema tal-konġestjoni tat-traffiku f’Malta, u tindika li l-awtoritajiet issa qed jirrikorru għal miżuri fiskali u finanzjarji biex jindirizzaw din il-kwistjoni. Filwaqt li għadu mhux ċar kemm dawn l-inċentivi se jkunu effettivi, huwa kruċjali li neżaminaw l-istat attwali tas-sistema tat-trasport pubbliku f’Malta, speċjalment fid-dawl ta’ inizjattivi preċedenti bħall-introduzzjoni tas-servizzi tal-karozzi tal-linja bla ħlas.
L-introduzzjoni tat-trasport pubbliku b’xejn f’Ottubru 2022 wasslet għal żieda sinifikanti fl-użu tal-karozzi tal-linja. Malta Public Transport irrappurtat li fl-2022 ġarret 49.6 miljun passiġġier, żieda ta’ 40% meta mqabbla mal-2021. B’mod partikolari, dawk użaw Tallinja card żdied bi kważi 50% bejn Ottubru u Diċembru 2022 meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2021, u 8% aktar mill-2019, li kienet sena rekord. Barra minn hekk, f’Mejju 2023, in-numru ta’ passiġġieri laħaq l-ogħla livell ta’ 5.8 miljun, li jaqbeż ir-rekord preċedenti ta’ 5.7 miljun f’Awwissu 2019. Dawn iċ-ċifri juru bidla pożittiva lejn l-użu tat-trasport pubbliku.
Madankollu, iż-żieda fin-numru ta’ passiġġieri ħarġet fid-deher ukoll nuqqasijiet eżistenti fis-sistema. Min juża tal-linja ta’ spiss jiltaqa’ ma’ karozzi mimlija, partikolarment fuq rotot li jgħaddu minn żoni turistiċi ewlenin. B’reazzjoni għal dan, l-awtoritajiet identifikaw 17-il rotta li kellhom bżonn żieda fil-karozzi tal-linja; sa Lulju 2023, erba’ minn dawn ir-rotot diġà raw żieda fil-frekwenza matul il-ħinijiet l-aktar traffikużi. Minkejja dawn l-isforzi, l-isfidi għadhom jippersistu, ċertu nuqqasijiet li l-għeruq tagħhom spiss ikun minħabba ż-żieda fid-domanda.
Il-faċilitajiet bażiċi fil-bus stops jibqgħu problema. Pereżempju, waqfiet li huma frekwentati ħafna bħal Kennedy Grove, wara l-grawnd ta’ Sirens FC, għadhom mingħajr strutturi essenzjali bħal bus shelter. Dan ifissir li min jużaw tal-linja qed jirriskja li jaqla’ xebgħa xita jew jinqela fix-xemx. Bl-istess mod, fl-Imsida fejn jieqfu l-istudenti tal-Junior College, spiss ikun hemm konfużjoni sħiħa, għax is-servizz mhux ilaħħaq mad-domanda. Dawn in-nuqqasijiet idgħajfu l-isforzi biex it-trasport pubbliku jkun alternattiva vijabbli flok il-karozzi privati.
It-titjib tar-rotot hija sfida oħra importanti. Min juża tal-linja ilu snin twal jitlob l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ servizzi li jitilqu minn postijiet strateġiċi matul il-ħinijiet l-aktar traffikużi. Zoni bħall-l-Għadira fis-sajf, il-Mellieħa, Ħaż-Żabbar, Iż-Żurrieq, u l-Mosta qabel kellhom venda għalihom iżda dawn tneħħew fir-riforma tal-2011. Is-sistema attwali, fejn il-karozzi tal-linja xi drabi jitilqu diġà mimlija, qed twassal biex in-nies f’lokalitajiet bħall-Mellieħa u x-Xemxija xi drabi qed jibqgħu l-art. Għalkemm il-Ministru tat-Trasport irrikonoxxa dawn il-problemi u wiegħed li jerġa’ jeżamina l-istruttura tar-rotot, l-introduzzjoni ta’ dawn ir-rotot fejn kien hemm il-vened qabel – għallinqas fl-iktar ħinijiet traffikuża tal-ġurnata – għadha ma seħħitx.
Filwaqt li saru avvanzi fost il-mobile application li tindika l-ħin ta’ stennija tal-karozza tal-linja, il-cards elettroniċi, u l-Wi-Fi abbord tejbu l-kwalità tas-servizz, ċertu nuqqasijiet fundamentali għadhom hemm. L-indirizzar tal-problema tat-traffiku jeħtieġ soluzzjoni sostenibbli li tmur lil hinn minn inċentivi finanzjarji għas-sewwieqa. Investimenti fl-infrastruttura, inklużi l-installazzjoni ta’ bus shelter adegwati u l-manutenzjoni tal-faċilitajiet eżistenti, huma essenzjali. Barra minn hekk, it-titjib tar-rotot biex jiġi żgurat servizz effiċjenti u biex jiġi evitata l-iffullar, speċjalment fil-ħinijiet kritiċi, hija kruċjali. Dawn l-aspetti bażiċi mhux biss itejbu s-servizz tat-trasport pubbliku iżda jħajru aktar nies jużaw mezzi ta’ trasport sostenibbli, u b’hekk verament biex titnaqqas il-konġestjoni kronika tat-traffiku f’Malta.