Filwaqt li ħafna għandhom l-impressjoni,  li l-proposta ta’ sistema ta’ metro f’Malta hi biss ħolma fiergħa, il-gvern għadu ma eskludiex din l-għażla, u qal li deċiżjoni finali mistennija tittieħed fil-ġimgħat li ġejjin.

Dan is-suġġett tqajjem dan l-aħħar fil-parlament mid-Deputat tal-Oppożizzjoni Alex Borg, li staqsa lill-Ministru tat-Trasport Chris Bonett dwar l-aħħar żviluppu dwar il-proġett tal-metro.

F’Ottubru tal-2021, il-gvern kien żvela proposta għal sistema ta’ metro bi tliet linji, bl-għan li tindirizza l-konġestjoni tat-traffiku dejjem tiżdied u ttejjeb it-trasport pubbliku. In-netwerk propost kien fuq 35 kilometru b’25 waqfa, li jestendu minn Buġibba fit-tramuntana sa Bormla fin-nofsinhar, b’linji addizzjonali li jgħaqqdu zoni bħal Birkirkara, il-Belt Valletta, l-Isptar Mater Dei, Tas-Sliema u San Ġiljan. Il-proġett kien stmat li jiswa €6.2 biljun u kellu jieħu bejn 15 u 20 sena biex jitlesta.

Madankollu, fi ftit xhur il-proġett twarrab, u dan wassal għal kritika li din kienet sempliċiment wegħda elettorali biex jintrebħu l-voti. Barra minn hekk, il-bidliet li kien hemm fit-tmexxija tal-ministeru tat-trasport kif ukoll in-nuqqas ta’ allokazzjoni finanzjarja f’baġits suċċessivi taw l-impressjoni li l-proġett kien abbandunat kompletament.

Fil-kummenti tiegħu, il-ministru tat-trasport spjega li l-evalwazzjoni biex tkun stabbilita l-aħjar sistema ta’ trasport tal-massa li tkun vijabbli finanzjarjament għadha għaddejja. Hu kompla li din l-evalwazzjoni, li tinkludi analiżi tal-istudji mwettqa matul is-snin, għandha tiġi konkluża fi żmien ftit ġimgħat.

Il-ministru tat-trasport qal li jeħtieġ nistabbilixxu darba għal dejjem, l-aħjar sistema għal Malta, li tagħmel sens finanzjarjament mingħajr ma timponi piż fuq il-baġit tal-gvern.

Hu wiegħed li kienet se ssir konsultazzjoni “ġenwina” biex tittieħed l-aħjar deċiżjoni possibbli.

Sadanittant, is-sitwazzjoni fit-toroq kompliet tmur għall-agħar, bi ftit li xejn progress, ħlief għal titjib f’xi junctions u bi proġetti infrastrutturali bħall-Msida Creek, li x-xogħol fuq għaddej. L-aktar proposta reċenti kienet li sidien tal-karozzi jirrinunzjaw għall-liċenzja tas-sewqan għal ħames snin u jieħdu €25,000. Madankollu, din il-proposta qajmet reazzjonijiet mħallta, bi kritika li din kienet biss miżura kożmetika li fl-aħħar mill-aħħar ma kien se jkollha effett tanġibbli.