Ċirku vizzjuż ta’ dewmien u frustrazzjoni
Is-saga ta’ xogħlijiet fit-toroq Maltin tidher li marret għall-agħar, minkejja l-wegħdi li saru matul is-snin minn diversi gvernijiet li kienu se jtejbu s-sitwazzjoni. Id-dati ta’ meta suppost jitlesta x-xogħol, li suppost huma miri realistiċi li wieħed jagħmel ħiltu biex jilħaqhom, saru ftit aktar minn dati ma jfissru xejn li donnhom qed jiġu injorati. Ir-riżultat? Għeluq tat-toroq fit-tul, u sens dejjem jikber ta’ frustrazzjoni fost il-pubbliku, speċjalment is-sewwieqa.
Fil-Tramuntana ta’ Malta, is-sitwazzjoni saret iddisprata b’diversi proġetti li qed jitwettqu fl-istess ħin, mingħajr koordinazzjoni ta’ xejn.
Triq il-Miżieb hi eżempju evidenti tal-ineffiċjenzi li qed jolqtu l-proġetti infrastrutturali ta’ Malta. It-triq ilha magħluqa sena mingħajr ebda indikazzjoni ċara ta’ meta se terġa’ tinfetaħ. Dawn ix-xogħolijiet huma xhieda tan-nuqqas ta’ responsabbiltà u trasparenza. Ir-residenti qed jitħallew fid-dlam, waqt li ta’ kuljum qed ikollhom jieħdu battikata biex joħorġu u jidħlu lura mir-raħal tagħhom.
Bl-istess mod, Triq Għajn Tuffieħa ilha magħluqa għal xhur sħaħ, u b’hekk qed jiżdied it-traffiku fiz-zona. L-għeluq fit-tul ta’ rotta daqshekk vitali mhux biss hu ta’ inkonvenjent lin-nies tal-lokal iżda affettwa wkoll it-turiżmu – komponent kritiku tal-ekonomija Maltija. Il-bajjiet sbieħ u r-riżervi naturali, li sa ftit ilu kienu faċilment aċċessibbli, issa saru diffiċli biex jintlaħqu minħabba din il-problema tat-traffiku.
Forsi waħda mill-aktar deċiżjonijiet kontroversjali fl-aħħar żminijiet kienet dik li tidjieq it-Triq tal-Għadira għal karreġġjata waħda. Din id-deċiżjoni qed toħloq tbatija bla bżonn fi tmiem il-ġimgħa fix-xhur tas-sajf, hekk kif it-traffiku minn Għawdex u l-Armier qed jikkawża konġestjoni. Il-frustrazzjoni tinħass sew fost is-sewwieqa li jsibu lilhom infushom maqbuda fi sriebet twal ta’ karozzi, b’riżultat li l-pjanijiet tagħhom għal tmiem il-ġimgħa qed jitħarbtu.
Il-kwalità tax-xogħol fuq dawn il-proġetti xi minn daqqiet mhux qed tkun ta’ livell aċċettabbli. Każijiet ta’ xogħol ħażin mhux xi ħaġa rari u dawn qed iwasslu għal aktar dewmien u spejjeż addizzjonali. Toroq li jkunu għadhom kemm saru jew imsewwija spiss juru sinjali li qed jiddeterjoraw wara ftit xhur. Dan iċ-ċiklu ta’ ineffiċjenza ifisser aktar spejjeż iżda fuq kollox aktar tfixkil.
Wegħdiet mhux miżmuma u spejjeż ogħla
Minkejja wegħdiet ripetuti mill-awtoritajiet li se jsir titjib, is-sitwazzjoni kompliet sejra lura. Ix-xogħlijiet dejjem qed jieħdu iktar żmien, il-konġestjoni tat-traffiku żdiedet, u l-ispiża ġenerali żdiedet ukoll. Kull proġett ġdid jidher li jsegwi l-istess mudell: ottimiżmu inizjali, segwit minn dewmien jekk mhux xogħol ta’ kwalità inferjuri biex fl-aħħar mill-aħħar il-pubbliku jispiċċa jistaqsi jekk l-istorja hux se tibqa’ tirrepeti ruħha
Is-saga ta’ xogħlijiet fit-toroq f’Malta saret ċirku vizzjuż. Il-wegħdiet li se tiżdied l-effiċjenza u titjieb l-infrastruttura huma biss kliem fieragħ hekk kif minn dan kollu ma jsir xejn. Il-paċenzja tal-pubbliku għandha limitu filwaqt li l-impatt ekonomiku ta’ dan kollu qed isir aktar evidenti.