Il-Budget li għadu kemm tħabbar, li kien tpinġa bħala wieħed li se jagħti spinta lill-klassi medja Maltija, fir-realtà ma laħaqx din il-mira. Il-wegħda tal-Prim Ministru kienet li se titnaqqas it-taxxa speċjalment għall-klassi medja— dawk li jinsabu fil-kategorija fejn ir-rata tat-taxxa hi ta’ 25%, jiġifieri li d-dħul tagħhom ivarja minn €20,000 sa €60,000. L-iskop kellu jkun li ssir ġustizzja ma’ din il-kategorija tal-poplu li ħafna drabi iġorr il-piż tat-taxxi sal-inqas ċenteżmu imma ma jikkwalifikawx għal ċertu għajnuniet u skemi tal-gvern. Dan minkejja li l-għafsa tal-għoli tal-ħajja jħossuha xorta waħda.  

II-klassi medja tirrappreżenta lil dawk li jaqilgħu ftit ogħla mill-paga medjana ta’ madwar €19,000, u għalhekk filwaqt li mhumiex dawk li għandhom dħul baxx ħafna iżda lanqas huma sinjuri. Dawn in-nies ħafna drabi jsibu ruħhom f’sitwazzjoni diffiċli—filwaqt li jkunu mgħobbijin bi spejjeż dejjem jiżdiedu, ħafna drabi jkunu esklużi minn programmi ta’ għajnuna finanzjarja offruti mill-gvern. Il-Budget tant mistenni kellu jirrikonoxxi dan u jwiżinhom. Minflok, it-tnaqqis fit-taxxa sar fil-faxxa ta’ isfel nett waqt li l-aġġustament fil-faxxa ta’ 25% kien minimu,  u fisser li ħafna min-nies bi dħul medju, inklużi dawk bi dħul annwali ta’ €40,000—li hu livell tipiku għall-klassi medja f’Malta—ma ħadu xejn iktar minn ħaddieħor li jaqilgħu ferm inqas u jħallsu inqas taxxa.

Dan ifisser ukoll li xi ħadd li jaqla’ €40,000, issa jinsab fl-istess ilma ma’ dawk li jaqilgħu bejn €21,000 u €28,000, skont il-kalkulazzjoni tat-taxxa rispettiva. Dan ifisser li ħafna mill-klassi medja se jieħdu l-istess tnaqqis ta’ dawk li jaqilgħu ferm inqas. Dan mhux dak li kien ġie imwiegħed qabel il-Budget.

Ir-realtà hi li dan il-baġit jidher aktar bħala miżura biex itaffi l-għoli tal-ħajja fil-kategorija ta’ dawk bi dħul baxx, li jammontaw għal kważi 165,000 persuna. Filwaqt li din l-għajnuna hija essenzjali, il-baġit jonqos milli jonora l-wegħda tiegħu biex iwieżen l-aktar lill-klassi medja.

Barra minn hekk il-gvern se jkompli jintaxxa il-kumpens għall-għoli tal-ħajja (COLA). Għalkemm din il-kumpens suppost hu ta’ €5.24 fil-ġimgħa, għall-klassi medja €1.31 minnhom jerġgħu imorru lura għand il-Gvern bħala taxxa, u b’hekk il-ħaddiem jibqalu biss €3.93. Is-sħab soċjali ripetutament talbu biex il-COLA ma tibqax tiġi intaxxata iżda l-appelli tagħhom għadhom ma ġewx milqugħa.

Fl-aħħar mill-aħħar, f’dan il-Budget intilfet opportunità għax il-klassi medja ma ngħatatx l-attenzjoni li kien jistħoqqilha.