Biex verament ikun l-‘aħjar budget fl-istorja’…

Il-Prim Ministru Robert Abela reċentement wiegħed li l-Baġit tal-2026 se jkun “l-aħjar wieħed fl-istorja”. Jekk dan hux se jkun minn jew le, jekk hix xi wegħda marbuta mal-fatt li l-elezzjoni ġenerali mhux daqshekk ’il bogħod, jew taħlita ta’ verità u strateġija politika, għad irid ikun magħruf. Imma jekk il-Prim Ministru jinsab daqshekk kunfidenti li jgħolli l-istennija tal-poplu daqstant, allura l-pajjiż għandu jieħu l-kelma tiegħu — u fl-aħħar mill-aħħar ikejjel b’xibru.
Jekk irridu nevalwaw il-Baġit tal-2026 verament fuq is-sustanza, irridu mmorru lil hinn minn miżuri simboliċi u naraw li jsiru riformi li verament itejbu l-ħajja tan-nies. Dawn huma xi passi konkreti li jistgħu jgħinu biex jitwettaq dak li qed ikun imwiegħed:
- Il-kumpens għall-għoli tal-ħajja (COLA) m’għandhiex tibqa’ tiġi intaxxata. Din mhux lussu imma aġġustament biex inżommu mal-inflazzjoni stabbli, u għalhekk li tkun intaxxata jfisser li l-Gvern jagħti b’id waħda u jieħu b’oħra.
- Titneħħa t-taxxa fuq l-ewwel €10,000 mill-overtime. Għal ħafna ħaddiema, l-overtime mhux għażla iżda ħtieġa biex ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja.
- Il-ħlas tal-bolla m’għandux jibqa’ jiġi intaxxat għax dan ifisser li tassazzjoni doppja. Dawk il-fondi jistgħu jintużaw biex ikun hemm pensjoni tat-tieni pilastru, li tiggarantixxi sigurtà fit-tul.
It-tieni, irridu nieqfu nħarsu lejn l-ekonomija biss minn lenti finanzjarja u nibdew nindirizzaw il-problemi strutturali li qed idgħajfu l-kwalità tal-ħajja tagħna. Wara għaxar snin ta’ tkabbir fil-popolazzjoni bla ppjanar, Malta laħqet punt kritiku. Biex insibu bilanċ mill-ġdid, jeħtieġu miżuri kuraġġużi u mhux kożmetiċi:
- Nibdew inġibu lura l-fondi mitlufa fl-iskandlu tal-isptarijiet Vitals/Steward u ninvestuhom direttament fis-settur tas-saħħa.
- Nfasslu pjan kredibbli biex intejbu l-konnettività bejn Malta u Għawdex
- Azzjoni konkreta biex innaqqsu l-konġestjoni fit-traffiku u nrażżnu sewwieqa irresponsabbli li bħalissa qisu ma jista’ għalihom ħadd.
- Nirriformaw is-sistema tal-ippjanar sabiex il-protezzjoni tal-ambjent u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti tiġi qabel il-bini bla rażan.
- Nintroduċu miżuri tassew favur il-familja, fosthom li nippermettu lil xi wieħed mill-ġenituri jaħdem remotely, sabiex it-trobbija tat-tfal ma titqiesx bħala żvantaġġ professjonali.
- Nerġgħu nifthu skejjel tas-snajja fil-livell sekondarju biex nindirizzaw in-nuqqas kroniku ta’ ħaddiema b’ħiliet speċifiċi, u b’hekk innaqqsu d-dipendenza fuq l-importazzjoni tal-ħaddiema u l-pressjoni fuq il-popolazzjoni.
Jekk dan il-gvern verament irid jippreżenta “l-aħjar baġit fl-istorja”, irid jirrikonoxxi li l-kwalità tal-ħajja ma titkejjelx biss fi flus. Titkejjel ukoll bl-arja aktar nadifa, toroq aktar siguri, inqas traffiku, aktar ħin mal-familja, u l-opportunità li tgħix u taħdem b’dinjità.
Il-Baġit tal-2026 se jkun l-aqwa test jekk din kinitx retorika politika jew pakkett ta’ miżuri meħtieġa u kuraġġużi.
