Biċċa iżgħar minn kejk ikbar?
Fl-aħħar għaxar snin, id-direzzjoni ekonomika ta’ Malta kienet immarkata minn deċiżjonijiet kuraġġużi, politiki ambizzjużi, u taħlita ta’ kisbiet ta’ u sfidi. Meta l-Partit Laburista kien elett fil-gvern fl-2013, kellu roadmap għall-iżvilupp ekonomiku. Din inkludiet politiki li bla dubju għenu biex l-ekonomija tavvanza, iżda wkoll esponiet vulnerabbiltajiet li llum jeħtieġu evalwazzjoni serja.
Waħda mill-inizjattivi l-aktar kontroversjali f’dan il-perjodu kienet il-bejgħ tal-passaporti permezz tal-Programm ta’ Investitur Individwali (IIP). Dan kien imniedi bħala niċċa ekonomika innovattiva, iżda r-realtà kienet li dan kien mezz ta’ malajr ta’ kif iddaħħal il-flus. Filwaqt li ġab fondi sostanzjali fi żmien qasir, naqas milli jipprovdi pedament ekonomiku sostenibbli. L-IIP kien sintomatiku ta’ strateġija iffukata fuq qligħ immedjat, ħafna drabi għad-detriment tal-ippjanar fit-tul.
Xejra oħra li żvolġiet matul dan il-perjodu kienet bidla notevoli fid-dinamika tas-suq tax-xogħol. Kien hemm sentiment ġenerali fost l-ħaddiema tas-settur privat li xtaqu jsibu xogħol mal-gvern, fis-servizz pubbliku, f’entitajiet tal-istat, jew permezz ta’ kuntratturi tal-outsourcing. Din il- ħolqot vakum ta’ ħiliet fis-settur privat. Dan ġab dipendenza qawwija ekonomija taċ-cheap labour bil-barranin, u dlonk bdew iqumu mistoqsijiet dwar is-sostenibbiltà tal-mudell ekonomiku.
Politika importanti introdotta biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol kienet childcare b’xejn. Filwaqt li din l-inizjattiva kienet strumentali biex tiżdied ir-rata ta’ parteċipazzjoni, wasslet għal konsegwenzi mhux intenzjonati li jeħtieġu riflessjoni. Għaxar snin wara, ir-rata tat-twelid f’Malta naqset għal livelli allarmanti, u dan qed iqajjem diskussjoni dwar il-bilanċ bejn il-politika ekonomika u l-aspett soċjali. Żvilupp ieħor li jirrifletti dawn il-bidliet huwa dak tal-food couriers. Aktar familji sabu ruħhom imħabbtin bħala riżultat tal-pressjoni tal-ħajja mgħaġġla b’riżultat li naqas il-ħin għal affarijiet bħal tisjir tal-ikla ta’ kuljum. Għalhekk saret popolari li tordna l-ikel lest, iżda dan b’detriment għas-saħħa u l-ħin tal-familja.
Il-mistoqsija issa hija jekk dan it-tkabbir ekonomiku kienx tassew ta’ benefiċċju għas-soċjetà Maltija. Filwaqt li l-istatistika tidher sabiħa u -ċifri tal-impjiegi jidhru robusti, id-distribuzzjoni tal-ġid u l-kwalità tal-ħajja tal-ċittadin medju juru xort’oħra. L-għajnuna lill-ġenituri biex irabbu lit-tfal tagħhom mhux biżżejjed sakemm mhux lest li li jċedu parti mir-responsabbiltà tagħhom lil child care centre. Il-prezz li ħallasna għal dan il-mudell ekonomiku fisser li qed ikunu imminati l-valuri fundamentali tas-soċjetà Maltija?
Huwa ċar li anke politiki li jidhru pożittivi għandhom jerġgħu jiġu riveduti u evalwati minn perspettiva ta’ l-impatt fit-tul. It-tkabbir ekonomiku m’għandux jiġi mkejjel biss bid-daqs tal-kejk ekonomiku, iżda skont id-daqs tal-biċċa li qed imisshom il-ħaddiema. Kejk akbar mhux garanzija li kulħadd se jieħu dak li ħaqqu. Il-kejl finali għas-suċċess m’għandux ikun biss il-ġid iġġenerat iżda wkoll kif dak il-ġid jiġi mqassam u kif itejjeb il-kwalità tal-ħajja għal kulħadd.
Jeħtieġ li Malta tindirizza dawn il-mistoqsijiet urġenti b’onestà u kuraġġ. Mudell ekonomiku sostenibbli għandu jipprijoritizza mhux biss qligħ immedjat, imma wkoll id-dimensjonijiet soċjali u ambjentali tat-tkabbir. Min għandu r-responsabbiltà li jieħu d-deċiżjoni jridu isib bilanċ bejn il-parteċipazzjoni fix-xogħol u l-ħarsien ta’ soċjetà fejn il-familji jistgħu jirnexxu. Fl-aħħar mill-aħħar, il-kejl veru tal-progress jinsab fl-iżvilupp ta’ ekonomija li sservi lill-bniedem, mhux bil-maqlub.