BCRS – Suċċess li qed iħalli togħma morra
L-Iskema tal-Kontenituri tax-Xorb (BCRS) tnediet b’għan nobbli: li tnaqqas l-iskart tal-plastik u tippromwovi kultura sostenibbli ta’ riċiklaġġ. Mil-lat ambjentali, l-iskema wettqet dak li wegħdet, u għenet biex tnaqqas eluf ta’ fliexken tal-plastik li kienu jispiċċaw fil-miżbla u minflok qed ikunu riċiklati. Madankollu, in-nuqqasijiet loġistiċi tal-iskema, in-nuqqas ta’ trasparenza finanzjarja, u n-natura monopolistika tagħha qed iħallu togħma morra, u qed jirriskjaw li jdgħajfu l-fiduċja pubblika f’proġett li suppost qed iġib progress.
Is-sistema taħdem bil-prinċipju sempliċi: il-konsumaturi jħallsu €0.10 żejda għal kull kontenitur tax-xorb, li jista’ jiġi riċiklat u meta jirritornaw il-flixkun fil-magni jieħu l-flus lura. Filwaqt li dan jidher sempliċi fit-teorija, il-mod kif qed titħaddem l-iskema hi problematika. Il-konsumaturi qed ikollhom jistennew fi kjuwijiet twal għall-elementi tat-temp, u l-magni xi drabi jkunu bil-ħsara. Din il-frustrazzjoni tkompli tikber meta wieħed irid jistenna lil xi ħadd b’xi nofs tużżana xkejjer bil-fliexken. Dik li suppost kienet soluzzjoni moderna u konvenjenti spiċċat fi problema.
L-insistenza tal-iskema li l-fliexken jiġu rritornati f’kundizzjoni perfetta żżid mal-inkonvenjenza, u ġġiegħel lill-individwi jaħżnu l-fliexken fi darhom u jieħdu spazju kbir. Għal dawk mingħajr mezzi biex jittrasportaw volumi kbar, bħall-anzjani jew dawk mingħajr trasport, l-iskema teskludihom kompletament. Żgur li dan mhuwiex il-progress li stennejna meta daħħalna sistema bħal din.
Trasparenza: nuqqasijiet
Il-mudell u l-operat finanzjarju tal-BCRS hija sors ieħor ta’ tħassib. Filwaqt li l-Kap Eżekuttiv tagħha jallega li l-kumpanija qed topera b’telf, in-nuqqas ta’ informazzjoni aċċessibbli għall-iskrutinju pubbliku jqanqal xettiċiżmu. X’jiġri mill-miljuni ta’ ewro miġbura minn kontenituri li ma jiġux riċiklati? Kif qed jiġu investiti dawn il-fondi fis-sistema jew fl-ambjent? In-nuqqas ta’ kontijiet awditjati għall-2023 u l-attitudni passiva tar-regolatur, Circular Economy Malta, jaggravaw dan it-tħassib. In-nuqqas tar-regolatur li jippubblika rapport annwali għal sentejn konsekuttivi jkompli jnaqqas il-fiduċja tal-pubbliku.
Barra minn hekk, il-fatt li l-BCRS għandu monopolju iqanqal dubji serji. Mingħajr kompetizzjoni, hemm ftit inċentiv għall-operatur biex jinnova jew jindirizza l-ilmenti tal-konsumaturi. Din hija sistema mfassla biex taqdi l-ġid komuni, iżda l-operat tagħha jibqa’ mdawwar b’inċertezza. Anke ċertu statistika dwar il-ġbir tal-kontenituri, li tista’ tipprovdi għarfien imprezzabbli dwar id-drawwiet ta’ riċiklaġġ, hija miżmuma sigrieta.
It-triq ’il quddiem: riforma tal-Iskema
Biex l-iskema ttejjeb ir-reputazzjoni tagħha u ttejjeb l-effiċjenza, hemm bżonn ta’ riformi urġenti. Soluzzjoni sempliċi iżda effettiva tista’ tinkludi reviżjoni tal-proċess tal-ġbir. Għaliex ma tidħolx il-prattika li l-plastik jinġabar bil-piż minflok bin-numru? Dan inaqqas b’mod sinifikanti l-ħin ta’ stennija, jelimina l-ħtieġa li l-fliexken jinħażnu fil-kundizzjoni oriġinali, u jnaqqas l-inkonvenjenza għall-konsumaturi.
Għażla oħra vijabbli hija ġbir bieb bieb, simili għar-riċiklaġġ tal-ħġieġ. Il-kolletturi jistgħu joħorġu vouchers fuq il-post billi jiżnu l-fliexken, u jagħmlu s-sistema aċċessibbli għal kulħadd, inkluż dawk li ma jistgħux faċilment jaċċessaw il-magni. B’hekk tonqos id-dipendenza tal-iskema fuq punti ta’ ġbir ċentralizzati u titjieb il-kumdità għall-konsumaturi.
Responsabbiltà u sorveljanza
Biex l-iskema tirbaħ il-fiduċja tal-pubbliku, it-trasparenza għandha ssir pilastru tal-operat tagħha. Il-pubblikazzjoni regolari ta’ kontijiet finanzjarji awditjati, rappurtar ċar dwar il-kontenituri u fondi li ma jiġux irkuprati, u stqarrijiet pubbliċi minn Circular Economy Malta m’għandhomx ikunu l-eċċezzjoni. Ir-regolatur għandu jaqdi r-rwol tiegħu ta’ sorveljanza, u jżomm lill-BCRS responsabbli għall-prestazzjoni tagħha.
Il-BCRS weriet li Malta tista’ tieħu passi kuraġġużi lejn sostenibbiltà ambjentali. Madankollu, mingħajr riformi sinifikanti, in-nuqqasijiet tagħha jirriskjaw li jtappnu s-suċċessi tagħha. Jeħtieġ nagħtu prijorità lit-trasparenza, l-effiċjenza, u l-inklużjoni biex l-iskema tista’ tevolvi f’mudell ta’ sostenibbiltà li jservi kemm lill-ambjent kif ukoll lill-pubbliku.