Azzjoni immedjata biex nevitaw is-sħab iswed
Id-deċiżjoni tal-Financial Action Task Force (FATF) li tpoġġi lil Malta fil-lista l-griża tefgħet dell ikrah fuq ir-reputazzjoni tal-pajjiż li bħalissa tinsab imfarrka. Dan qed ipoġġi f’periklu serju u jimmina l-isforzi kollha li saru biex jippromwovu lil Malta bħala ċentru ta’ eċċellenza għall-industrija tas-servizzi finanzjarji minn nofs is-snin disgħin ‘il quddiem
Biex id-deċiżjoni titqiegħed f’perspettiva, Malta hija l-uniku u l-ewwel stat membru tal-UE li tpoġġa f’din il-lista. Dan ifisser li Malta saret pajjiż li investituri potenzjali għandhom iħarsu lejh b’attenzjoni kbira peress li għandu nuqqasijiet serji fuq salvagwardji kontra l-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa. Pajjiżi fuq din il-lista jitqiegħdu taħt skrutinju akbar minħabba li huma ttrattati bħala suspettużi. Malta issa tinsab fl-istess ilma mal-Panama, il-Botswana, il-Pakistan, is-Sudan t’Isfel u l-Jemen.
Din ir-rankatura ’l isfel ilha għaddejja mhux ħażin. Fl-2016 il-UĦM Voice of the Workers kienet wissiet li l-iskandlu tal-Panama Papers, il-ftehim ta’ privatizzazzjoni tal-isptarijiet ma’ Vitals kif ukoll ftehim dubjużi bħal dak tal-power station ta’ Electrogas, ma kinux jawguraw tajjeb għar-reputazzjoni tal-pajjiż. Sfortunatament, twissijiet bħal dawn ma kinux ingħataw widen mill-gvern. Minflok, l-amministrazzjoni Laburista ppruvat tiġġustifika dak li kien għaddej billi kisbet mandat elettorali ġdid fl-elezzjoni tal-2017. Għalkemm għaddew erba’ snin id-dnub ma raqadx. Fi tmien snin biss ir-reputazzjoni tajba li kellha Malta tfarrket. Ironikament, dan ġara meta suppost kien hemm road map biex tagħmilna l-aqwa fl-UE.
It-triq ’il quddiem hija waħda iebsa. L-aktar li se jħossu d-daqqa se jkunu ċittadini onesti. Dan jista’ jfisser telf ta’ impjiegi fl-industrija tas-servizzi finanzjarji u żgur aktar burokrazija mill-banek fejn il-klijenti qed ikollhom problemi biex jiġbdu l-flushom stess, jiksbu self jew saħansitra jiftħu kont. Jidher li l-banek qed jittrattaw lil kulħadd bħala kriminali għax m’għadhom jafdaw lil ħadd.
Minkejja dan, l-uniku mod biex noħorġu minn dan is-saraw hu li tissewwa r-reputazzjoni tal-Malta. Li titneħħa mil-lista griża huwa biss l-ewwel stadju ta’ din il-maratona u mhux it-tmiem. Madankollu, irid ikun il-Gvern li qabel kollox jibgħat sinjal qawwi li verament irid jirrestawra valuri bħall-integrità, l-onestà, it-trasparenza u d-demokrazija li ġew imminati bil-kbir. Dan huwa l-uniku mod biex l-istituzzjonijiet u r-regolaturi ewlenin jirbħu lura r-rispett wara li fl-aħħar snin kienu mmexxija qishom xi fewdu tal-Gvern.
Eżempju ċar huwa l-Bank Ċentrali ta’ Malta. Din l-istituzzjoni hija mmexxija mill-istess ministru tal-finanzi li fiż-żmien li hu kien fit-tmun seħħ dan kollu. Filwaqt li ħadd mhu qed jallega li l-Prof. Edward Scicluna kien involut kriminalment, id-deċiżjoni li jinħatar xi ħadd fit-tmun tal-Bank Ċentrali li ma kienx kapaċi jrażżan abbużi kbar u jqum għall-okkażjoni tibgħat messaġġ li Gvern għadu mhux determinat biex jibda paġna ġdida.
Sadanittant, l-ebda politiku ma tressaq il-Qorti dwar il-ħasil tal-flus, l-evażjoni tat-taxxa, tixħim u l-ħolqien ta’ strutturi finanzjarji kumplessi f’ġurisdizzjonijiet barranin li huma dubjużi. L-uniku progress fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni sar grazzi għall-inizjattiva tal-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil li kien xprun biex tinfetaħ inkjesta maġisterjali. Fil-bqija għadna f’sitwazzjoni fejn hemm liġi għall-allat (il-politiċi) u liġi għall-annimali. Wasalna fi stadju li trid tittieħed azzjoni. Jekk mhux se jsir hekk is-sħab griż se jinbidel f’iswed dlam.