Aktar minn 90% tal-Ewropej inkwetati fuq l-għoli tal-ħajja
L-għoli tal-ħajja huwa l-aktar kwistjoni ta’ tħassib għal 93% tal-Ewropej, skont l-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru tal-Parlament Ewropew.
Sadanittant, l-appoġġ għall-UE jibqa’ stabbli f’livell għoli u ċ-ċittadini jistennew li l-UE tkompli taħdem fuq soluzzjonijiet biex jittaffew l-effetti tal-kriżijiet.
F’kull Stat Membru tal-UE, aktar minn sebgħa minn kull għaxar persuni li wieġbu huma mħassba dwar iż-żieda fl-għoli tal-ħajja, bl-ogħla riżultati fil-Greċja (100%), Ċipru (99%), l-Italja u l-Portugall (it-tnejn 98%). Il-prezzijiet dejjem jogħlew, inkluż għall-enerġija u l-ikel, jinħassu fil-kategoriji soċjo-demografiċi kollha kemm tal-ġeneru jew l-età kif ukoll fil-livelli edukattivi u soċjo-professjonali kollha. It-tieni tħassib l-aktar imsemmi b’82% huwa t-theddida tal-faqar u l-esklużjoni soċjali, segwiti mit-tibdil fil-klima u l-firxa tal-gwerra fl-Ukraina lejn pajjiżi oħra, ugwali fit-tielet post b’81%.
Iċ-ċittadini jistennew li l-UE tkompli taħdem fuq soluzzjonijiet biex jittaffew l-effetti aggravati tal-kriżijiet konsekuttivi li laqtu l-kontinent. Appoġġ għoli għall-UE huwa bbażat fuq l-esperjenza tas-snin li għaddew, bl-UE turi kapaċità notevoli li tgħaqqad u li tuża miżuri effettivi. Għalissa, iċ-ċittadini mhumiex sodisfatti bl-azzjonijiet meħuda la fil-livell nazzjonali u lanqas f’dak tal-UE. Terz biss tal-Ewropej jesprimu sodisfazzjon bil-miżuri meħuda mill-gvernijiet nazzjonali tagħhom jew mill-UE biex jindirizzaw iż-żieda fl-għoli tal-ħajja.
Fir-rigward tas-sitwazzjoni finanzjarja taċ-ċittadini, l-istħarriġ juri li l-konsegwenzi tad-diversi kriżijiet qed jinħassu dejjem aktar. Kważi nofs il-popolazzjoni tal-UE (46%) tgħid li l-livell tal-għajxien tagħhom diġà tnaqqas minħabba l-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19, il-konsegwenzi tal-gwerra tar-Russja fuq l-Ukrajna u l-kriżi tal-għoli tal-ħajja. 39% oħra għadhom ma rawx il-livell tal-għajxien tagħhom jonqos iżda jistennew li dan ikun il-każ fis-sena li ġejja, u dan iwassal għal prospetti pjuttost qarsa għall-2023. Indikatur ċar ieħor ta’ restrizzjonijiet ekonomiċi dejjem jikbru huwa ż-żieda fis-sehem ta’ ċittadini li qed jiffaċċjaw diffikultajiet biex iħallsu l-kontijiet “ħafna drabi” jew “xi kultant”, żieda ta’ disa’ punti minn 30% għal 30% mill-ħarifa 2021.
“Wieħed jifhem li n-nies huma mħassba dwar iż-żieda fl-għoli tal-ħajja, hekk kif aktar u aktar familji qed jitħabtu biex ilaħħqu mal-ħajja. Issa huwa ż-żmien biex nipproduċu riżultati; biex inġibu l-kontijiet tagħna taħt kontroll, nimbuttaw lura l-inflazzjoni u nkabbru l-ekonomiji tagħna. Irridu nipproteġu lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetajiet tagħna”, qalet il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola.
Ir-riżultati sħaħ jistgħu jinstabu hawnhekk.
Tagħrif ta’ sfond
L-Ewrobarometru tal-Ħarifa 2022 tal-Parlament Ewropew twettaq minn Kantar bejn it-12 ta’ Ottubru u s-7 ta’ Novembru fis-27 Stat Membru kollha tal-UE. L-istħarriġ sar wiċċ imb’wiċċ, b’intervisti bil-vidjo (CAVI) użati wkoll fiċ-Ċekja u fid-Danimarka. B’kollox saru 26,431 intervista. Ir-riżultati tal-UE ġew aġġustati skont id-daqs tal-popolazzjoni f’kull pajjiż.