Emissjonijiet tad-dijossina tal-karbonju minn vetturi ġodda għandhom jinqatgħu b’45 fil-mija sal-2030 u t-teħid tas-suq ta’ karozzi b’emissjonijiet zero jew emissjonijiet baxxi għandu jiżdied. 

Ewro Parlamentari fil-Kumitat tal-Ambjent ipproponew it-twaqqif ta’ mira ogħla għat-tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ karozzi ġodda sal-2030: 45 fil-mija (meta mqabbla mat-30 fil-mija tal-Kummissjoni Ewropea) b’mira intermedjarja ta’ 20 fil-mija sal-2025. Il-leġislazzjoni fi stadju ta’ abbozz ukoll jistabbilixxi miri simili għal vannijiet ġodda.  

Il-manifatturi li l-medja tal-emissjonijiet tad-dijossina tal-karbonju taqbeż dawn il-miri se jħallsu premium għall-budget Ewropew, biex jintuża, fost oħrajn, għat-tisħiħ tal-ħaddiema milqutin bil-bidliet fis-settur tal-karozzi. 

Il-manifatturi tal-karozzi wkoll iridu jassiguraw li vetturi b’emissjonijiet zero jew dawk baxxi jkollhom sehem fis-suq ta’ 40 fil-mija ta’ bejgħ ta’ karozzi u vannijiet ġodda sal-2030, u 20 fil-mija sal-2025. 

Emissjonijiet  tas-sewqan reali 

Fi żmien  sentejn, il-Kummissjoni Ewropea għandha tippreżenta pjani għal test fl-emissjonijiet reali tad-dijossina tal-karbonju bl-użu ta’ apparat mobbli, bħal dak li kien  introdott  dan l-aħħar għal NOx. Emissjonijiet tad-dijossina tal-karbonju għandhom sadattant ikunu mkejla abbażi ta’ tagħrif miksub mill-meters tal-konsum mill-fjuwil tal-vetturi. It-test taL-emissjonijiet tas-sewqan reali għandu jibda jitħaddem mill-2023. 

L-impatt soċjali tad-dekarbonizzazzjoni 

L-Ewro Parlamentari jisħqu li transizzjoni aċċettata soċjalment u ġusta lejn il-mobbilta’ ta’ emissjoni zero teħtieġ bidliet matul il-katina tal-valur tal-karozzi, bil-possibbilta’ ta’ effetti soċjali  negattivi. L-UE allura għandha tippromwovi l-formazzjoni tal-ħiliet u l-allokazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema fis-settur, partikularment f’reġjuni u komunitajiet l-aktar affettwati mit-traniszzjoni. L-Ewro Parlamentari wkoll jisħqu dwar appoġġ għall-manifattura Ewropea tal-batteriji. 

Ittikkettjar 

Sa  tmiem l-2019, il-Kummissjoni Ewropea se jkollha  tipproponi leġislazzjoni biex tipprovdi lill-konsumaturi b’informazzjoni preċiża u komparabbli dwar il-konsum tal-fjuwil, id-dijossina tal-karbonju u emissjonijiet  ta’ tniġġis ta’ vetturi ġodda. 

L-Ewro  Parlamentari Miriam Dalli, li kienet ir-rapporteur, qalet, fost oħrajn li “dan  il-vot deċiżiv fil-Kumitat tal-Ambjent jirrappreżenta impenn biex bis-serjeta’ tibda l-ġlieda kontra l-bidla fil-klima….Din hi opportunita’ sabiex tingħata ħajja ġdida lis-settur tal-manifattura fl-UE, billi jsir investiment fl-innovazzjoni u jissaħħaħ it-tkabbir ekonomiku. Bit-taħriġ, il-ħiliet mill-ġdid u t-tisħiħ tal-ħiliet  tal-ħaddiema, l-UE tista’ tipprovdi mpjiegi ta’ kwalità sostenibbli liċ-ċittadini tagħha”.