‘Aħna siguri issa, iżda nistgħu ma nkunux siguri fi żmien ħames snin’
Il-MPE iddiskutew is-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-Ewropa u lil hinn minnha, kif ukoll id-difiża u l-kooperazzjoni UE-NATO mas-Segretarju Ġenerali tan-NATO, Mark Rutte.
Fl-ewwel diskussjoni minn meta ħa din l-kariga mal-MPE mill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, is-Sottokumitat għas-Sigurtà u d-Difiża, u d-delegazzjoni tal-Parlament għar-relazzjonijiet mal-Assemblea Parlamentari tan-NATO, is-Sur Rutte esprima t-tħassib profond tiegħu dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-Ewropa. “M’aħniex fi gwerra, imma m’aħniex fil-paċi lanqas,” qal, u semma l-isfidi minn pajjiżi bħar-Russja, iċ-Ċina, l-Iran u l-Korea ta’ Fuq, kif ukoll theddid persistenti bħal terroriżmu, proliferazzjoni nukleari, diżinformazzjoni, u bidla fil-klima.
Madankollu, huwa qal: “Aħna nafu kif nipproteġu l-popli tagħna u l-istil ta’ ħajja Ewropea (…), u issa dan irridu nagħmluh,” waqt li saħaq fuq il-ħtieġa li jiġu investiti aktar f’kapaċitajiet ta’ difiża u assi, li tissaħħaħ ir-reżiljenza u li jkompli l-appoġġ lill-Ukrajna. Difiża Ewropea aktar b’saħħitha tfisser li tonfoq aktar, tonfoq aħjar u tipproduċi aktar, argumenta s-Sur Rutte, mhux biex tipprovoka gwerra, imma biex tevita waħda. “It-target attwali tan-NATO ta’ nefqa ta’ tnejn fil-mija għad-difiża mhuwiex biżżejjed (…) biex nibqgħu siguri. Il-membri tan-NATO se jkollhom jonfqu ferm aktar. Dan jinkludi wkoll li tiżdied il-produzzjoni ta’ assi u kapaċitajiet essenzjali,” qal. “L-industrija Ewropea tad-difiża qed tagħmel xogħol tassew impressjonanti, imma l-verità hi li għadna mhux fejn suppost inkunu.”
Dwar l-Ukrajna, is-Segretarju Ġenerali tan-NATO qal li l-futur tal-Ewropa jiddependi mir-riżultat tal-gwerra. “Aħna rridu paċi dejjiema hemmhekk. Jekk Putin jikseb dak li jrid, il-paċi ma ddumx,” tenna, u żied jgħid li l-appoġġ tal-UE lill-Ukrajna huwa kruċjali: “Aħna siguri issa, iżda nistgħu ma nkunux siguri fi żmien ħames snin.”
MPE: X’tista’ tagħmel l-Ewropa għan-NATO?
Dwar il-kooperazzjoni UE-NATO, il-MPE staqsew lis-Sur Rutte dwar il-kontribut tal-UE. Id-difiża mhijiex limitata għal kwistjonijiet militari: tinkludi wkoll relazzjonijiet internazzjonali, kif ukoll relazzjonijiet soċjali, ekonomiċi, u diplomatiċi, saħqu numru ta’ MPE.
Huma staqsew ukoll dwar il-kooperazzjoni futura mal-Amministrazzjoni Trump u esprimew it-tħassib dwar ir-rwol tat-Turkija fin-NATO.
MPE oħra nnutaw li hemm differenzi bejn il-membri tan-NATO fuq kwistjonijiet ta’ difiża, iżda jeħtiep li tibqa’ magħquda biex tiġi żgurata paċi sostenibbli fl-Ukrajna. Huma enfasizzaw ukoll is-sitwazzjoni diffiċli tas-sigurtà fil-Mediterran u l-Balkani tal-Punent.
Dwar it-tisħiħ tal-industrija militari, il-MPE staqsew dwar kif tista’ tiġi evitata d-duplikazzjoni fil-produzzjoni militari kif ukoll kif jista’ jiġi aċċellerat l-iżvilupp tal-armi. Diversi MPE qajmu l-kwistjoni tal-ħtieġa li jiġu indirizzati ċertu theddidiet, speċjalment fil-fruntiera tal-Lvant tal-Ewropa u fil-Balkani tal-Punent.
Tista’ terġa’ tara d-dibattitu kollu hawnhekk.