977 bla dawl u ilma wara li ma ħallsux il-kontijiet
Xi wħud tħallew itellgħu dejn ta’ aktar minn €20,000

Kważi elf persuna bħalissa jinsabu mingħajr provvista ta’ dawl ilma wara li tellgħu djun kbar li f’ċerti każijiet qabżu l-€20,000 f’kontijiet pendenti.
Il-kwistjoni issemmiet dan l-aħħar fil-Parlament mill-Membru tal-Oppożizzjoni Graziella Attard Previ f’sensiela ta’ mistoqsijiet lill-Ministru tal-Enerġija Miriam Dalli.
Irriżulta li bħalissa l-kumpanija tal-istat responsabbli mill-kontijiet, Arms, għandha total ta’ 977 detentur ta’ kont li għandhom il-provvista sospiża, inkluż 27 każ fejn id-dejn jaqbeż l-€20,000. Barra minn hekk, hemm 57 każ b’dejn bejn €10,000 u €20,000, u 126 każ b’dejn bejn €5,000 u €10,000.
Ma ngħatat l-ebda spjegazzjoni dwar kif dawn il-persuni tħallew itellgħu eluf ta’ ewro f’kontijiet qabel ma nqatgħet il-provvista. Il-maġġoranza ta’ dawk spiċċa bla dawl u ilma kellhom djun sa €5,000. 257 detentur ta’ kont kellhom kontijiet pendenti ta’ inqas minn €1,000, 251 kienu f’kategorija bejn €1,000 u €2,000, filwaqt li l-kumplament (259) kellhom djun bejn €2,000 u €5,000.
Fir-risposta tagħha, il-Ministru tal-Enerġija spjegat fid-dettall li s-sospensjoni tal-provvista hija l-aħħar miżura, u qalet li qabel jittieħed dan il-pass, il-klijenti jiġu mwissija bil-miktub u kkuntattjati bit-telefon. Hija semmiet ukoll diversi għajnuniet tal-istat, bħall-benefiċċju tal-enerġija, li jingħataw lil familji vulnerabbli u dawk b’dħul baxx biex inaqqsu l-piż finanzjarju marbut mal-kontijiet.
Barra minn hekk, il-klijenti li jonqsu milli jħallsu jingħataw l-opportunità li jagħmlu ftehim ta’ ħlas biex iħallsu l-ammont pendenti bil-mod fuq medda ta’ diversi xhur. Hija qalet li meta dawn l-għażliet ikunu eżawriti, li l-Arms tordna s-sospensjoni tal-provvista.
F’risposta separata, il-Ministru żvelat li bħalissa hemm 2,820 klijent ta’l-Arms li qed iħallsu d-dejn tagħhom bin-nifs. L-ikbar ammont (1,515 każ) għandhom djun ta’ inqas minn €1,000, filwaqt li hemm 358 każ b’dejn bejn €1,000 u €2,000, u 612 li laħqu ftehim biex iħallsu djun bejn €2,000 u €5,000. Barra minn hekk, hemm 228 każ b’dejn bejn €5,000 u €10,000, 66 każ bejn €10,000 u €20,000, u 41 każ li għandhom djun li saħansita jaqbżu l-€20,000.