Tmien snin wara li l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet żvelat l-eżistenza ta’ 17 Black, din is-saga reġgħet qiegħda fuq l-aġenda. Dan wara li ġie rrapportat li l-inkjesta li kienet infetħet fuq allegazzjonijiet li din il-kumpanija bbażata f’Dubaj intużat għal tixħim fil-proġett tal-power station tal-electrogas, ġiet konkluża. Bla dubju, il-fatt li dan il-proċess ħa snin biex jitlesta ma tantx jawgura tajjeb, imma kif jgħid il-qawl, aħjar tard milli qatt.

Għalkemm il-konklużjonijiet ta’ din l-inkjesta għadhom ma ġewx ippubblikati, rapporti li se jinħarġu akkużi kriminali kontra l-eks Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi u Keith Schembri – l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat – ma ġewx miċħuda. Jekk dan ikun il-każ, tkun ġustifikata d-deċiżjoni li ħa l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, li f’Lulju 2017 – xahar wara li sofra telfa kbira fl-elezzjoni ġenerali li kienet interpretata minn xi wħud bħala sentenza tal-mewt għall-kampanja tiegħu kontra l-korruzzjoni – kien  ippreżenta l-Qorti l-fajls bil- provi bħala parti mit-talba tiegħu biex tinfetaħ inkjesta. Fl-aħħar mill-aħħar l-elezzjoni ġenerali bikrija tal-2017 ma difnitx l-iskandlu ta’ 17 Black, għax fir-realtà hi biss il-qorti li tista’ tiskolpa lil xi ħadd minn akkużi kriminali.  

F’livell politiku, madankollu, l-eku ta’ dan kollu imur lil hinn minn Busuttil.  Mizzi u Schembri mhumiex persuni ordinarji fiċ-ċrieki tal-Partit Laburista. Mizzi kien responsabbli mill-proġett tal-power station fil-kampanja elettorali tal-2013 u baqa’ jmexxi sal-iskandlu tal-Panama Papers, filwaqt li Schembri kien il-moħħ wara l-magna elettorali, organizzattiva, u dik politika. Barra minn hekk, Mizzi kien ukoll responsabbli mid-dekasteru fejn seħħ l-iskandlu tal-ftehim skandaluż ta’ €400 miljun ma’ Vitals u Steward. Ma ninsewx li fl-aħħar mill-aħħar kien Ministru tal-Enerġija u s-Saħħa – portafoll pjuttost stramb li jgħaqqad żewġ setturi kompletament differenti li ma kellhom xejn x’jaqsmu ma’ xulxin, jew għallinqas hekk ħaseb kulħadd.

It-tentattivi tal-gvern Laburista biex jitbiegħed minn dawn iż-żewġ figuri ewlenin fl-amministrazzjoni ta’ Joseph Muscat jidhru fjakki u fl-aħħar mill-aħħar qed jagħmluha ovvja fuq l-istat ta’ paniku li qed jirrenja. Dan ma kienx każ ordinarju ta’ amministrazzjoni ħażina jew nuqqas ta’ kontroll, imma l-evidenza li s’issa tindika li dan kien pjan intenzjonat biex ikun hemm min isir sinjur minn fuq dahar il-poplu, tant li allegatament beda jinħema jiem biss wara li ġiet eletta l-amministrazzjoni Laburista fl-2013.

Madankollu, Mizzi u Schembri twarrbu biss meta s-sitwazzjoni saret tant tossika li kienet qed thedded il-futur tal-gvern Laburista. Wara kollox, l-inkjesta maġisterjali ġiet imnedija biss fuq inizjattiva ta’ persuni bħalma huma Simon Busuttil, David Casa, u l-NGO Repubblika u b’riżultat ta’ xi azzjoni mill-pulizija jew mill-FIAU.

It-tielet inkjesta maġisterjali ta’ dan it-tip…

Din tista’ tkun it-tielet darba li akkużi serji ta’ korruzzjoni jitressqu kontra membri prominenti tal-gvern Laburista – fl-2021 kienu kontra Schembri, Mizzi, u oħrajn wara li ġew konklużi żewġ inkjesti maġisterjali dwar allegat tixħim fuq il-bejgħ tal-passaporti u fuq ix-xiri ta’ tagħmir għall-istampar minn Progress Press. Dawk il-proċeduri kriminali għadhom għaddejjin.

It-tieni kienet f’Mejju tas-sena li għaddiet meta tressqu akkużi mhux biss kontra Schembri u Mizzi, iżda wkoll kontra Muscat innifsu, kif ukoll ministri u uffiċjali oħrajn, wara inkjesta maġisterjali oħra mitluba minn Repubblika dwar il-privatizzazzjoni tal-isptarijiet pubbliċi.

Il-futur…


Jidher li hemm qbil, anke bejn iż-żewġ mexxejja politiċi rivali – għallinqas skont dak li qalu pubblikament – li l-kontenut tal-inkjesta ta’ 17 Black għandu jiġi żvelat. Iżda, dak li jinkwieta hu li l-Prim Ministru Robert Abela indika li jixtieq jelimina d-dritt taċ-ċittadini biex jitolbu inkjesti maġisterjali. Madankollu, mingħajr dak id-dritt, l-ebda wieħed minn dawn l-iskandli ma kien jiġi żvelat.

Il-fallimenti sistematiċi jridu jiġu indirizzati

Is-saga ta’ 17 Black tenfasizza l-konsegwenzi profondi u dejjiema tal-korruzzjoni fuq it-tessut politiku u soċjali ta’ Malta. Filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta, jekk jiġu kkonfermati, jistgħu iwasslu għall-pass importanti biex tintrefa’ r-responsabbiltà, dawn ukoll jikxfu l-fallimenti sistematiċi li ppermettew lil dan kollu jiġri għal snin twal. Dan il-mument għandu jiftaħ għajnejn kulħadd fuq l-importanza ta’ salvagwardji istituzzjonali robusti, sorveljanza indipendenti, u d-determinazzjoni soda biex issaltan il-ġustizzja.

L-enfasi għandha tkun fuq it-trasparenza u r-responsabbiltà, biex l-istorja ma tirrepetix ruħha. Riformi li jnaqqsu mid-dritt tal-pubbliku biex jitlob investigazzjonijiet jirriskjaw li jkabbru l-impunità, idgħajfu l-fiduċja fil-governanza, u jheddu l-prinċipji demokratiċi. It-triq ’il quddiem tinsab mhux biss fir-rikonoxximent tal-ħażin tal-passat imma wkoll fit-tisħiħ tal-mekkaniżmi li jsaħħu liċ-ċittadini biex iżommu lil dawk fil-poter responsabbli, sabiex tiġi salvagwardjata d-demokrazija ta’ Malta għall-ġenerazzjonijiet futuri.