Minkejja li l-prezzijiet tal-propjetà qegħdin jogħlew mhux ħażin, skont l-aħħar ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, ma hemm l-ebda sinjali ta’ tnaqqis fil-bejgħ, hekk kif in-numru ta’ konvenji kif ukoll kuntratti finali għadu qiegħed jiżdied. Madankollu, l-istatistika ma tispeċifikax kemm minn dawn it-tranżazzjonijiet jinvolvu first-time buyers. Għaldaqstant, l-istatistika tista’ tkun qed taħbi problema ta’ affordabbiltà għall-propjetà fost iż-żgħażagħ.

Jirriżulta li f’Lulju 2025, in-numru ta’ kuntratti finali tal-bejgħ laħaq 1,266, żieda ta’ 21.8% meta mqabbel ma’ Lulju 2024. Il-valur ta’ dawn il-kuntratti laħaq €383.1 miljun, li jirrappreżenta żieda ta’ 35.1% meta mqabbel mal-valur tal-kuntratti f’Lulju 2024.

F’Lulju 2025, ġew irreġistrati 1,229 konvenju relatati ma’ propjetà residenzjali, ekwivalenti għal żieda ta’ 15.6% fuq l-istess perjodu fl-2024. Xerrejja individwali potenzjali (familji) kienu jammontaw għal 1,099 (jew 89%), filwaqt li l-bqija kienu jinvolvu prinċipalment kumpaniji.

Osservazzjoni interessanti hija li f’Lulju n-numru ta’ kuntratti qabżu l-konvenji – xejra li kienet irreġistrata biss fi tliet okkażjonijiet fl-aħħar sentejn.

Skont l-NSO, l-ogħla numri ta’ kuntratti ġew irreġistrati fuq propjetajiet ’San Pawl il-Baħar (90), Birkirkara (73) u l-Mosta (67). Il-valur tal-propjetajiet f’dawn il-lokalitajiet – li huma fost l-akbar fil-Gżejjer Maltin – kien ta’ għal 18.2 % tat-total.

Dawn iċ-ċifri ġew bejn wieħed u ieħor riflessi wkoll fil-konvenji, b’San Pawl il-Baħar (121), Birkirkara (69) u Tas-Sliema (59) fuq nett – li kienu jammontaw għal 20.3 % tat-total.

Min-naħa l-oħra r-Reġjun tal-Punent li jinkludi l-Imdina, Ħaż-Żebbuġ, Is-Siġġiewi, Ħ’Attard, Ħal Balzan, Ħad-Dingli, l-Iklin, Ħal Lija, ir-Rabat u l-Imtarfa kellu l-inqas numru kuntratti u konvenji. It-tieni l-inqas f’kull kategorija kien Għawdex.

Analiżi li l-UHM Voice of the Workers għamlet aktar kmieni din is-sena fuq kampjun ta’ prezzijiet ta’ propjetà reklamati fit-Times of Malta uriet li l-prezz medju ta’ appartament tela’ minn €142,000 fl-2015 għal €326,000 fl-2025. Din ix-xejra ġiet riflessa wkoll f’rapport komprensiv ippubblikat mill-kumpanija ta’ awditjar Grant Thornton flimkien ma’ Dhalia Real Estate Services, li kkonkludew li  f’għaxar snin il-prezz medju ta’l-propjetà f’Malta aktar minn rdoppja minn €150,000 għal €333,000, filwaqt li l-prezzijiet tal-kera telgħu b’71%.