Tislima mill-editur ta’ Voice of the Workers Weekly

L-edizzjoni ta’ din il-ġimgħa hi l-aħħar waħda tiegħi bħala editur tal-Voice of the Workers Weekly. Matul il-ħames snin li għaddew, dan il-portal stabbilixxa ruħu bħala pjattaforma konsistenti u ta’ ċertu kredibbiltà, li qatt ma falla l-appuntament ta’ kull ġimgħa ħlief pawża waħda fi żmien il-festi fi tmiem is-sena. Kien ta’ unur għalija li nkun f’din il-kariga li nieħu ħsieb pubblikazzjoni elettronika li trattat, analizzat u tefgħet d-dawl fuq kwistjonijiet ta’ importanza kemm għall-ħaddiema kif ukoll għas-soċjetà b’mod ġenerali.
Matul dan iż-żmien, Voice of the Workers Weekly irrappurtat stejjer ta’ importanza nazzjonali. Forsi l-aktar waħda li ħalliet impatt kienet dwar il-każ fil-Foundation for Social Welfare Services, fejn aktar minn 400 impjegat skoprew li kellhom il-bolol mhux imħallsa, b’valur komplessiv ta’ €10 miljun. Din il-kwistjoni serja fl-aħħar mill-aħħar ġiet indirizzata, iżda kien biss wara li kienet ġiet żvelata minn dan il-portal u mbagħad rappurtata wkoll bi prominenza mill-media nazzjonali. Kienet xhieda ċara tal-impatt li jista’ jġib miegħu rappurtaġġ persistenti u bbażat fuq il-fatti.
Il-portal serva wkoll bħala pjattaforma ta’ għarfien u riċerka. B’mod konsistenti ippubblika studji interni mwettqa mill-UHM Voice of the Workers fosthom analiżi tal-prezzijiet tal-ikel u l-inflazzjoni fit-tul fis-settur tal-propjetà. Fl-istess ħin, il-qarrejja kienu infurmati dwar żviluppi madwar l-Ewropa, billi sar użu mix-xogħol ta’ Eurofound f’oqsma bħall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, remote working u l-kundizzjonijiet tal-impjieg. Kwistjonijiet soċjali usa’, bħaż-żieda fil-prezz tal-kura tas-saħħa għaċ-ċittadini li suppost igawdu minn kura b’xejn mill-Istat, ukoll ġew enfasizzati sabiex tingħata stampa aktar kompleta tal-isfidi li qed taffaċċja s-soċjetà Maltija.
Rwol ieħor importanti ta’ dan il-portal kien li jwassal l-attivitajiet organizzati tul is-sena. Dawn kienu jvarjaw minn inizjattivi soċjali, għal laqgħat speċjalizzati bħas-seminar annwali tal-EZA f’Novembru. B’dan il-mod, il-portal ma kienx biss sors ta’ aħbarijiet iżda wkoll mezz ta’ djalogu u għarfien.
Ta’ min ifakkar li Voice of the Workers Weekly beda l-vjaġġ tiegħu fl-2015 bħala parti minn proġett iffinanzjat mill-UE. Madankollu, is-saħħa tiegħu tinsab fil-kapaċità li jibqa’ rilevanti u kredibbli lil hinn minn dak il-qafas inizjali. Illum, il-legat tiegħu hu wieħed sod u se jkompli jevolvi taħt tmexxija ġdida.
Fl-aħħarnett nibgħat l-isbaħ xewqat lis-suċċessur tiegħi. Il-futur ta’ dan il-portal jiddependi mill-impenn kontinwu li jipprovdi leħen dwar il-kwistjonijiet li l-aktar jinteressaw lill-ħaddiema imma hux biss.
