Il-Kap Eżekuttiv tal-Arkivji Nazzjonali esprima d-diżappunt tiegħu li l-istennija għal binja ġdida biex takkomoda l-kollezzjonijiet dejjem jikbru tagħhom qed tibqa’ titwal minkejja l-wegħda elettorali tal-gvern li kien se jsolvi din il-problema.

Charles J Farrugia qajjem dan il-punt fir-rapport annwali tal-2024, fejn esprima diżappunt li għaddiet sena oħra u l-ħidma biex jinstab sit flok dak f’Ta’ Qali li kien ittieħed lura, sabiex ikun jista’ jibda x-xogħol fuq il-binja l-ġdida tant meħtieġa tal-Arkivji Nazzjonali, ma wasslet għal ebda riżultat.

Kien fl-2019 meta kien iffirmat att li bih sar it-trasferiment ta’ art pubblika f’Ta’ Qali biex tinbena binja ġdida għall-Arkivji Nazzjonali flimkien mal-Istitut Nazzjonali Awdjoviżiv (NAVI). Fl-istess ħin il-faċilità preżenti fir-Rabat (L-Isptar Santu Spirtu) tinbidel f’mużew tal-istorja medika. Madankollu, il-sit f’Ta’ Qali intużaw għal skop ieħor — u eventwalment ġie żviluppat f’parkeġġ u post għall-kunċerti — minflok il-binja tal-Arkivji.

Fil-kummenti tiegħu, Charles J Farrugia innota li l-Arkivji Nazzjonali komplew jagħmlu pressjoni fuq l-awtoritajiet biex iwettqu din il-wegħda elettorali. Hu wissa li jekk mhux se jkun hemm binja ġdida għall-Arkivji Nazzjonali se jkun hemm kollass totali fis-sistema preżenti tal-mod kif ikunu maħżuna u organizzati  dokumenti storiċi.

Konsegwentement, akkwisti ġodda qed jinżammu f’faċilitajiet mikrija mis-settur privat. “Ma fadlilniex spazju fejn nerfgħu id-dokumenti imma ma nistgħux inħallu l-pubbliku jbati minħabba dan in-nuqqas. Din mhux l-aħjar soluzzjoni, iżda ma nistgħux immorru lura mill-impenn tagħna noffru aċċess għall-arkivji għax wara kollox din hi r-raġuni ewlenija tal-eżistenza u x-xogħol tagħna.”

Din mhix l-ewwel darba li dan is-suġġett tqajjem fir-rapport annwali, iżda s’issa jidher li dawn l-ilmenti waqgħu fuq widnejn torox. Minn żmien għal żmien il-kwistjoni tqajmet ukoll permezz ta’ mistoqsijiet parlamentari bil-Ministru tal-Kultura Owen Bonnici, ikun pjuttost evażiv fit-tweġibiet tiegħu, billi jgħid li l-gvern qed jevalwa diversi siti potenzjali. Madankollu, ma ġie reġistrat l-ebda progress konkret.

L-Arkivji Nazzjonali kienu ngħataw l-art f’Ta’ Qali permezz ta’ att legali fl-2019 li kien ġie iiffirmat minn tliet ministri, iżda minn dak iż-żmien il-proġett ippjanat twarrab biex minfloku saret faċilità għall-kunċerti.

Il-gvern issa qed ikun sfurzat ifittex spazju ġdid li jista’ jiggarantixxi 5,000 metru ta’ xkaffar għall-kollezzjonijiet tal-Arkivji Nazzjonali, li bħalissa jinsabu f’dak li kien l-Isptar Santu Spirtu tar-Rabat — binja mhux adattata għall-ħażna ta’ dokumenti tant prezzjużi — kif ukoll f’sitt binjiet oħra.