Issa li ninsabu fl-eqqel tas-sajf, qegħdin ukoll f’wieħed mill-aktar mumenti mistennija tal-kalendarju kulturali Malti – il-qofol tal-istaġun tal-festi. Madwar il-Gżejjer Maltin, il-pjazez tal-irħula jixegħlu b’kuluri u mużika, iżda huma s-smewwiet li verament jisirqu l-attenzjoni. Il-logħob tan-nar, b’dak kollu li joffri spettaklu ta’ dawl u ħsejjes, li jiġbor flimkien lill-komunitajiet u jattira eluf ta’ turisti f’mumenti ta’ għaqda u ammirazzjoni kbira.

Fl-aħħar snin, il-livell tela’ b’mod notevoli. Spiċċa ż-żmien meta ftit murtali kienu jinħarqu biss biex jagħmlu ftit ħoss. Illum, qed ingawdu wirjiet koreografiċi sħaħ – logħob tan-nar bil-mużika, b’sinkronizzazzjoni perfetta u preċiżjoni tal-għaġeb. It-teknoloġija kellha sehem ewlieni f’din it-trasformazzjoni. Sistemi bix-xokkijiet biex jinħaraq sinkronizzat ma’ xi kanzunetta popolari taw lill-piroteknika tradizzjonali tagħna forma ġdida ta’ arti diġitali, mingħajr ma tilfet ir-ruħ u l-artiġjanat li jiddistingwuha.

Anki l-iżgħar raħal issa qed jorganizza wirjiet li ftit ilu kienu jidhru impossibbli. L-innovazzjonijiet fid-disinn ukoll ħolqu tekniċi ġodda – fosthom il-ballun tal-blalen, murtal li sar sinonimu ma tmiem il-festa hekk kif tidħol il-vara. Dawn mhumiex biss logħob tan-nar; huma xogħlijiet tal-arti mfassla b’attenzjoni biex jispiraw u jimpressjonaw.

Imma wara kull dija fis-smewwiet hemm storja ta’ dedikazzjoni u riskju. Mijiet ta’ voluntiera jqattgħu sigħat twal matul is-sena kollha biex itejbu l-ħila tagħhom, spiss b’periklu personali. Minkejja l-miżuri ta’ sigurtà jew tisħiħ teknoloġiku, il-piroteknika tibqa’ arti perikoluża.  Għalkemm ħafna għadhom isejħulhom dilettanti tan-nar, il-verità hija ferm differenti – l-arti, l-immaġinazzjoni u l-ħila teknika tagħhom huma tal-ogħla livell internazzjonali, jekk mhux ta’ klassi mondjali.

Mingħajr id-dedikazzjoni tagħhom, is-sjuf tagħna jitilfu parti essenzjali mill-maġija tagħhom. Is-smewwiet Maltin, li jixegħlu fil-ferħ, huma xhieda mhux biss tat-tradizzjonijiet tagħna iżda wkoll tal-persuni straordinarji li jżommuhom ħajjin, u jħallu eluf imsaħħra bis-sengħa tagħhom.