Filli nemmnu fis-solidarjetà, u filli ndoqqu l-irtirata

Meta gvern jagħmel wegħda elettorali, din ma tkunx dikjarazzjoni frivola li ssir bl-addoċċ. Hija kuntratt mal-elettorat – impenn biex jinfetaħ proċess ta’ dibattitu miftuħ, biex tintuża r-raġuni u l-ġudizzju, u biex dik il-wegħda tiġi jew implimentata jew spjegata b’mod onest jekk ma tistax titwettaq. Iżda l-aħbar li ngħata dan l-aħħar mis-Segretarju Parlamentari Andy Ellul – li l-Gvern ser jabbanduna l-wegħda li jressaq ’il quddiem xi forma ta’ sħubija obbligatorja f’union – għax skont hu hemm “parir legali” – li ma ġiex mhux speċifikat – tfisser falliment fuq tliet livelli. Il-proċess wara din id-deċiżjoni ma kienx trasparenti, ma kienx konvinċenti, u lanqas ġie diskuss kif suppost. Din l-irtirata tagħti daqqa lill-ħaddiema l-aktar vulnerabbli fis-suq tax-xogħol tagħna.
Il-proposta li kienet qed tiġi diskussa qatt ma kienet dik biex kulħadd jingħaqad f’union waħda. Għal xhur sħaħ id-dibattitu iffoka fuq mudelli diversi: reġistrazzjoni awtomatika għal ħaddiema bi dħul baxx jew f’impjiegi prekarji, arranġamenti settorjali, jew sistemi b’dritt ta’ opt-out jew ħlas simboliku għal min jagħżel li ma jingħaqadx imma xorta jibbenefika minn ftehim kollettiv. Unions bħall-GWU u l-UHM argumentaw li dawn il-mudelli kienu tentattiv biex jiġi ikkoreġut żbilanċ strutturali fis-suq tax-xogħol – l-eżistenza ta’ grupp dejjem jikber ta’ ħaddiema maqbudin bejn il-paga minima u dik medja, mingħajr setgħa ta’ negozjar u mingħajr aċċess prattiku għal rappreżentanza. Mhijiex kwistjoni biex jiżdiedu l-membri fil-unions– kienet proposta maħsuba biex tipproteġi lill-persuni li l-aktar faċli jiġu sfruttati.
Dan jagħmilha diffiċli ħafna biex tiġġustifika l-mod kif il-Gvern mexa. Li tħabbar li abbandunajt propsota fuq “parir legali” mingħajr ma tippubblikah, mingħajr ma tistieden opinjonijiet alternattivi mis-sħab soċjali, u mingħajr forum pubbliku ta’ dibattitu – m’huwiex djalogu soċjali. Il-unions, li għal snin kienu parti mid-diskussjoni pubblika dwar dan is-suġġett, ma ngħatawx raġuni għalfejn saret din il-U-turn. L-għaqdiet ta’ min iħaddem, kif mistenni, laqgħu din id-deċiżjoni; imma jekk ir-reżistenza tagħhom ser tkun biżżejjed biex ċertu proposti jkunu irtirati, allura l-wegħdi elettorali jsiru ostaġġ tal-aktar gruppi influwenti li jsemmgħu leħinhom u mhux espressjoni ta’ għażla demokratika.
Jekk l-avukati tal-Gvern waslu għal konklużjoni ġenwina li l-mudelli diskussi ma humiex konformi ma’ ċerti aspetti kostituzzjonali jew tal-UE, dak il-parir għandu jitpoġġa quddiem il-Parlament jew għall-inqas jiġi ppreżentat lis-sħab soċjali – b’opportunità li jagħtu r-reazzjoni tagħhom. Li tuża opinjoni legali qisu xi veto, f’gazzetta tal-Ħadd wara li l-istess deċiżjoni kienet komunikata bil-mowbajl ftit sigħat qabel, mhuwiex biss governanza ħażina – hu wkoll nuqqas ta’ rispett lejn l-istituzzjonijiet tad-djalogu soċjali.
Għall-ħaddiema maqbudin bejn il-paga minima u dik medja, għal dawk li jingħadilhom b’mod ċar jew sottili li m’għandhomx jissieħbu f’union, din id-deċiżjoni hi opportunità mitlufa.
Jekk il-Gvern tassew jemmen fid-djalogu soċjali, għandu jwaqqaf l-attitudni li jara lill-unions bħala ostaklu, u jibda jikkunsidrahom bħala msieħba biex jinħolqu soluzzjonijiet prattiċi. Inkella l-wegħdi elettorali jibqgħu kliem vojt, u dawk l-aktar vulnerabbli fostna jibqgħu, bħal dejjem, iġorru l-piż ta’ kull konsegwenza.
