Minkejja twissijiet ripetuti, fl-2024 kien hemm aktar nies li sfaw vittma ta’ frodi.

Il-kwistjoni tqajmet mill-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji, li esprima t-tħassib tiegħu dwar in-numru dejjem jikber ta’ konsumaturi li qed ikunu vittmi ta’ frodi dejjem aktar sofistikati, tant li ddeskriva dan l-att kriminali bħala xi ħaġa li issa laħqet “skala industrijali.”

“Qegħdin naraw dejjem aktar li minn każijiet ta’ frodi b’pagamenti awtorizzati (APP fraud) qed ikun hemm skemi bbażati fuq relazzjonijiet, fejn il-frodisti jmanipulaw lill-vittmi biex jagħmlu diversi ħlasijiet sinifikanti,”. Dan sostnieh l-Arbitru Alfred Mifsud fir-Rapport Annwali tal-2024. “Dawn il-ħlasijiet isiru b’mod qarrieqi, filwaqt li l-vittma tiġi mwiegħda qligħ għoli minn investimenti li jeżistu biss fuq pjattaformi virtwali frawdolenti.”

Dawn l-iskemi kumplessi, magħrufa komunement bħala “pig butchering,” normalment jibdew b’fażi twila fejn il-frodist jirbaħ il-fiduċja tal-klijent. Fuq medda ta’ ġimgħat jew xhur, il-frodisti jibnu relazzjoni personali mal-vittma—jidhru bħala professjonisti kredibbli b’għarfien espert f’investimenti. Ladarba jiksbu l-fiduċja, jinkoraġġixxu lill-vittma tagħmel investiment inizjali żgħir f’opportunità falza li toffri “qligħ malajr.”

Meta l-vittma tara “profitti” foloz fuq dashboards jew apps fittizji, tiġi mħeġġa tinvesti aktar. Fl-aħħar nett, meta tipprova tirtira dawn il-“profitti”, titqiegħed taħt pressjoni biex tagħmel pagamenti addizzjonali—taħt l-iskuża li trid tħallas taxxi, tilħaq limitu ta’ likwidità, jew rekwiżiti oħra ivvintati.

“Rajna każijiet traġiċi fejn il-vittma jissellef mingħand qraba, jillikwidaw fondi tal-pensjoni, jew ibigħu assi ta’ valur—għax mingħalihom li l-profitti tagħhom kienu imminenti,” irrimarka l-Arbitru. “Imma fl-aħħar mill-aħħar, il-verità toħroġ—b’konsegwenzi finanzjarji u psikoloġiċi devastanti.”

Uħud mill-ilmenti li saru kienu jinvolvu nies b’livell għoli ta’ edukazzjoni, li juri li l-frodi mhux neċessarjament riżultat ta’ ingenwità jew nuqqas ta’ tagħlim. Fil-fatt, il-frodisti spiss jimmiraw lil dawk b’riżorsi finanzjarji sostanzjali, billi jużaw strateġija ibbażata fuq il-biża’ u wegħdi għall-profitt biex jikkonvinċu anke nies ta’ ċertu livell ta’ għarfien.

B’reazzjoni għal dan, l-Uffiċċju tal-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji (OAFS) nieda żewġ inizjattivi ewlenin:

  1. Gwida lill-fornituri tas-servizzi finanzjarji dwar ir-responsabbiltà tagħhom li jibnu sistemi ta’ monitoraġġ kapaċi jidentifikaw mudelli suspettużi ta’ ħlasijiet—u d-dmir tagħhom li jwissu lill-klijenti meta jiġu identifikati dawn il-mudelli.
  2. Proposta ta’ tibdil legali biex vittmi ta’ frodi jkunu rikonoxxuti bħala persuni eliġibbli biex jippreżentaw ilment quddiem l-Arbitru, anke jekk mhumiex klijenti tradizzjonali tal-fornitur tas-servizz finanzjarju inkwistjoni.

Din ir-riforma legali tippermetti lill-OAFS jikkunsidra l-ilmenti u jagħti deċiżjoni fuq il-mertu tagħhom, minflok ikollu jiddikjara nuqqas ta’ ġurisdizzjoni—anki f’każijiet fejn fornitur finanzjarju jista’ jkun facilitat il-frodi, kemm b’mod intenzjonat kif ukoll b’negliġenza.