Il-proposta tal-Baġit mhix biżżejjed biex tindirizza l-isfidi tal-Ewropa, jgħidu l-MPE

Il-MPE qed iwissu dwar il-baġit fit-tul propost mill-Kummissjoni u qed jgħidu li l-limitu ta’ nefqa ta’ 1.26% se jwassal għal tnaqqis fil-programmi ewlenin, filwaqt li qed joqrob iż-żmien biex jibdew jitħallsu lura d-djun..
Il-ko-rapporteurs tal-Parlament dwar il-baġit fit-tul tal-UE, il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP), Siegfried Mureşan (PPE, Rumanija) u Carla Tavares (S&D, Portugall), flimkien mal-ko-rapporteurs dwar ir-riżorsi proprji Sandra Gómez López (S&D, Spanja) u Danuše Nerudová (PPE, Ċekja) ħarġu stqarrija konġunta.
Il-kalkoli tal-baġit ma jaqblux
Il-ko-rapporteurs tal-QFP qed jenfasizzaw difett fundamentali fil-pjan tal-Kummissjoni: b’baġit ta’ 1.26% biss tad-dħul gross nazzjonali (GNI), inkluż 0.11% ta’ GNI għar-rimbors tad-dejn ta’ NextGenerationEU, u meta wieħed iqis l-inflazzjoni, l-UE se tibqa’ staġnata. Skont huma, dan il-baġit ma jħallix biżżejjed fondi għal prijoritajiet kruċjali bħall-kompetittività, il-koeżjoni, l-agrikoltura, id-difiża, l-adattament għall-klima, u l-investiment meħtieġ għal ekonomija sostenibbli li taħdem għal kulħadd. Il-punt tat-tluq tal-proposta juri nuqqas tal-għaġeb ta’ ambizzjoni.
Dan il-baġit effettivament ifisser ffriżar tal-investiment u n-nefqa f’termini reali – flimkien mal-ħlas tad-dejn ta’ NextGenerationEU, li l-Kummissjoni dejjem insistiet li mhuwiex għażla, jgħidu l-ko-rapporteurs.
Il-QFP attwali wera ċar ir-riskji li jitqiegħed il-ħlas tal-imgħax ta’ NextGenerationEU fuq l-istess linja tal-baġits tal-programmi. Dan joħloq pressjoni kbira fuq prijoritajiet ewlenin u jwassal għal qtugħ. Baġit aktar b’saħħtu għall-UE ma jistax jinbena fuq l-iżbalji tal-passat, enfasizza Siegfried Mureșan.
Ma nippermettux li l-finanzjament tal-prijoritajiet ewlenin tagħna jiġi kompromess mill-ħlas ta’ NextGenerationEU, qalet Carla Tavares.
Programmi ewlenin f’riskju
Il-Parlament diġà esprima tħassib serju dwar l-istruttura proposta, u wissa li l-għaqda ta’ programmi ta’ suċċess f’fondi kbar taħt kappa waħda jista’ jfixkel politiki li wrew li jaħdmu u tejbu l-livell tal-għajxien.
Il-MPE huma partikolarment imħassba dwar proposti li jistgħu jdgħajfu r-rwol tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fit-tmexxija tal-fondi, u li jistgħu joħolqu kunflitti bejn il-bdiewa u r-reġjuni, jew bejn ir-reġjuni u l-gvernijiet nazzjonali.
Siegfried Mureșan saħaq li: “Ma napprovawx baġit li jippromwovi pjanijiet nazzjonali frammentati mingħajr rabta mal-għanijiet Ewropej. L-Ewropa teħtieġ viżjoni komuni – mhux 27 lista tax-xiri separata. Baġit tal-UE ma jistax jitnaqqas għall-inqas denominatur komuni tal-preferenzi nazzjonali.”
Is-sorveljanza demokratika mhedda
Il-ko-rapporteurs tal-QFP qed jesprimu tħassib serju dwar elementi li jistgħu jitfgħu fix-xejn ir-rwol tal-Parlament Ewropew, l-unika istituzzjoni eletta direttament, bħala ko-leġiżlatur b’poteri fuq il-baġit u l-ħelsien tal-kontijiet.
Huma jinsistu li kull mekkaniżmu ġdid ibbażat fuq il-prestazzjoni għall-aċċess għall-fondi minn Stati Membri għandu jinkludi sorveljanza parlamentari b’saħħitha u ma jistax jevita l-iskrutinju demokratiku tan-nefqa tal-UE.
Il-Parlament lest biex jiġġieled
Il-ko-rapporteurs tal-QFP temmew billi qalu li l-Parlament lest juża s-setgħat kollha tiegħu sal-aħħar biex jiżgura li l-baġit fit-tul li jmiss jilħaq l-ambizzjonijiet u l-isfidi tal-UE, u jkun taħt skrutinju demokratiku sħiħ. Il-Parlament lest biex jinvolvi ruħu b’mod kostruttiv – imma wkoll b’mod sod.
