Pazjenti Maltin qed iħallsu 30% tal-ispejjeż minkejja li sistema ta’ saħħa f’Malta hi b’xejn

Minkejja li s-servizz tas-saħħa pubblika hu bla ħlas, il-pazjenti Maltin xorta waħda qed ikollhom jħallsu ammonti sostanzjali għall-kura, tant li l-Kummissjoni Ewropea qajmet il-kwistjoni fir-rapport tagħha dwar Malta għall-2025. Dan id-dokument, ippubblikat ix-xahar li għadda, jipprovdi valutazzjoni komprensiva tal-isfidi u l-opportunitajiet li qed jiffaċċjaw il-pajjiżi membri kollha, billi jenfasizza vulnerabbiltajiet speċifiċi u riformi meħtieġa.
Jirriżulta li Malta għandha livell għoli ħafna ta’ “out-of-pocket expenses” — jiġifieri ħlas għal prodotti jew servizzi relatati mas-saħħa li jsiru minn kliniċi privati, jew spiżeriji. Ir-rapport jinnota li f’Malta, il-pazjenti qed ikollhom iħallsu kważi terz tal-ispejjeż relatati mas-saħħa (30%), li huwa iktar mid-doppju tal-medja tal-UE.
L-akbar ammont ta’ dawn il-ħlasijiet imur għas-servizzi tal-outpatient fil-privat, segwiti minn prodotti mediċi mixtrija minn spiżeriji, kura fi sptarijiet privati, u kura dentali. Min-naħa l-oħra, Malta għandha fost l-inqas livelli ta’ każijiet fejn il-ħtiġijiet tal-pazjenti ma jiġux indirizzati (self-reported unmet needs) fl-UE, b’0.3% tal-popolazzjoni fl-2024, filwaqt li l-medja fl-UE hi ta’ 2.5%.
Il-Kummissjoni rrimarkat ukoll li waħda mir-raġunijiet għalfejn il-ħlas minn but il-pazjent f’Malta hu għoli, hu l-fatt li l-infiq tal-gvern fuq is-saħħa hu inqas mill-medja tal-UE. Fl-2022, l-infiq fuq is-saħħa ras għal ras kien inqas mill-medja tal-UE (81.3%), fil-livell ta’ 67%. L-akbar nefqa fis-saħħa, li kienet ogħla mill-medja tal-UE, kienet għal servizzi ta’ outpatient mill-privat. Dan, flimkien ma’ numru relattivament baxx ta’ sodod fl-isptarijiet (335 għal kull 100,000 abitant fl-2022 kontra medja ta’ 444 fl-UE), jindika li Malta qed tiffoka aktar fuq il-kura primarja. L-infiq pubbliku bħala proporzjon tal-infiq totali fuq is-saħħa f’Malta kien fost l-inqas fl-UE fl-2022.
Fl-istess ħin, minħabba li l-popolazzjoni qed tixjieħ, iż-żieda mistennija fl-infiq fuq is-servizzi tas-saħħa pubbliċi qed tqajjem tħassib dwar is-sostenibbiltà tal-pajjiż.
Jirriżulta wkoll li Malta tagħti importanza limitata lill-prevenzjoni tal-mard. Fl-2022, l-infiq fuq il-prevenzjoni f’Malta kien jammonta għal 1.2% biss tal-infiq totali fuq is-saħħa, ferm inqas mill-medja tal-UE ta’ 5.5%. Dan is-sehem naqas fis-snin riċenti, b’mod kuntrarju għat-tendenza fl-UE, fejn dan kien imsaħħaħ minħabba l-infiq eċċezzjonali relatat mal-COVID-19.
Aktar minn terz tal-imwiet kollha f’Malta huma kkawżati minn fatturi ta’ riskju relatati mal-imġiba. Ir-riskji assoċjati ma’ dieta ħażina u t-tipjip huma fost il-kontributuri ewlenin għall-imwiet. Il-proporzjon tal-popolazzjoni li rrappurtat li tiekol ħaxix kuljum fl-2022 kien fost l-inqas fl-UE, kif ukoll il-frekwenza ta’ attività fiżika barra l-ħin tax-xogħol. Dawn il-fatturi jikkontribwixxu għall-prevalenza għolja ta’ piż żejjed u obeżità fil-pajjiż, li qed iwasslu għal livelli għolja ta’ mortalità relatata mad-dijabete u l-mard tal-qalb. Il-kanċer tal-pulmun huwa t-tieni l-akbar kawża ta’ mortalità evitabbli f’Malta, li tista’ tkun marbuta mal-livelli għolja ta’ tipjip.
