Sajf li se jġib miegħu test importanti għas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku

Hekk kif is-sajf jinsab magħna jiġu f’moħħna l-memorji tas-sena li għaddiet meta għaddejna ġranet u ljieli sħaħ bla dawl. Bejn Ġunju u Awwissu 2024, din kienet l-esperjenza ta’ eluf ta’ nies li kellhom jissaportu temperaturi sa 35 °C mingħajr arja kondizzjonata, l-ebda fannijiet u xi drabi fi dlam ċappa. U bħal kieku dan ma kienx biżżejjed, kellhom jissaportu t-tvenvin ta’ ġeneraturi tad-diżil wara biebhom – soluzzjoni proviżorja li ikkonfermat kemm is-sitwazzjoni kienet iddisprata.
Qtugħ ta’ kultant fil-provvista tal-elettriku hu mod, imma jekk dan jiġri b’mod regolari hija ħaġa oħra. Għall-anzjani, nies vulnerabbli u l-morda, il-qtugħ tal-elettriku fis-sajf ifisser riskji serji għal saħħithom. Għal ġenituri li jaħdmu mid-dar bir-remote working dan ukoll iġib problemi. L-istess jista’ jingħad fl-isptarijiet u l-kliniċi —fejn allaħares ma jkunx hemm provvista alternattiva.
Il-miżuri ta’ emerġenza tas-sena l-oħra -kirjiet temporanji ta’ ġeneraturi industrijali- esponew dgħjufijiet strutturali fl-infrastruttura tal-enerġija tagħna. It-tkabbir ekonomiku ta’ Malta, flimkien ma’ numri dejjem jikbru fit-turiżmu, wasslu għal żidiet fid-domanda u kixfu sitwazzjoni fejn ħareġ ċar li l-infrastruttura tagħna qatt ma kienet lesta għal din iż-żieda fil-popolazzjoni.
B’reazzjoni għal dan il-Gvern wiegħed investiment qawwi fis-sistema tad-distribuzzjoni biex din tkun aktar robusta u flessibbli. Hemm ukoll pjanijiet biex jiġu integrati aktar sorsi rinnovabbli—batteriji solari u, potenzjalment turbini offshore—u b’hekk titnaqqas il-pressjoni fuq il-power station.
Iżda kif jgħid il-Malti bejn il-kliem u l-fatti hemm il-baħar jikkumbatti.
Filwaqt li hu minnu li l-ebda investiment qatt ma jista’ joffri garanzija totali għax temp estrem bħal ma kellna s-sena li għaddiet se jpoġġi kwalunkwe sistema taħt pressjoni, imma jekk inkunu preparati is-sitwazzjoni tibqa’ taħt kontroll.
L-għotjiet finanzjarji għall-installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajiċi u batteriji huma pass pożittiv; madankollu, din hija għażla biss għal dawk li għandhom aċċess għall-bejt u l-komun biex jinstallaw l-infrastruttura meħtieġa. Barra minn hekk, dejjem hemm ir-riskju li dan l-investiment jisfuma fix-xejn jekk ikun hemm xi żvilupp qrib li jtellef l-aċċess għax-xemx.
It-tama kollettiva hi li l-familji Maltin ma jerġgħux jgħaddu mill-esperjenzaw tas-sena li għaddiet. L-impenn finanzjarju tal-Gvern u l-pjanijiet ta’ modernizzazzjoni fil-qasam tal-enerġija jistgħu jfissru bidla minn sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà għal waħda ta’ reżiljenza. Dan is-sajf se jfisser sifda. Se negħlbuha jew se nerġgħu ngħixu l-esperjenza ta’ sena ilu?
Nisperaw li, hekk kif is-sħana tagħmel tagħha, is-sistema ta’ distribuzzjoni tkun tiflaħ għad-domanda.
