Tnaqqis ta’ 421 post tax-xogħol vakanti fl-ewwel tliet xhur

Fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena kien hemm tnaqqis ta’ 421 post tax-xogħol vakanti meta mqabbel mal-istess żmien tal-2024, bl-aktar setturi fejn kien hemm sejħiet għal xogħol ikunu dak tal-kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut, tat-trasport u l-ħażna, tal-attivitajiet taʼ servizz tal-akkomodazzjoni u tal-ikel, tal-attivitajiet professjonali, xjentifiċi u tekniċi, u tal-attivitajiet ta’ amministrazzjoni u ta’ servizz ta’ appoġġ.
Ċifri pubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li bejn Jannar u Marzu ta’ din is-sena kien hemm 8,273 post tax-xogħol vakanti, li jfisser tnaqqis ta’ 4.8 fil-mija fuq sena qabel. Dan it-tnaqqis ġej primarjament mil-qasam governattiv li jinkludi l-amministrazzjoni pubblika, l-edukazzjoni, s-saħħa u d-difiża fejn it-tnaqqis fil-postijiet tax-xogħol vakanti kien ta’ 778.
L-oqsma tal-attivitajiet professjonali, xjentifiċi u tekniċi, u tal-attivitajiet ta’ amministrazzjoni u ta’ servizz ta’ appoġġ irreġistraw l-ogħla żieda, sena għal sena, fl-għadd ta’ postijiet vakanti bʼżieda taʼ 287 post vakant għal total taʼ 2,269 vakanza. Warajhom, kien hemm il-qasam tal-kostruzzjoni, li kellu żieda taʼ 194 post vakant.
L-intrapriżi ż-żgħar (1-49 impjegat) ikkontribwew bejn wieħed u ieħor sitta minn kull għaxar postijiet vakanti, filwaqt li l-kumpaniji b’250 impjegat jew aktar iġġeneraw 14.8% tal-postijiet vakanti kollha fl-ewwel kwart tal-2025
Bejn Jannar u Marzu, l-għadd kollu ta’ postijiet tax-xogħol mimlijin fi ħdan l-intrapriżi li jħaddmu mill-inqas impjegat wieħed kien ta’ 271,227. Aktar minn nofs dawn il-postijiet kienu rreġistrati fil-kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut, fit-trasport u l-ħażna, u fl-akkomodazzjoni u l-attivitajiet tas-servizz tal-ikel, u fl-amministrazzjoni pubblika, id-difiża, l-edukazzjoni, is-saħħa tal-bniedem u l-ħidma soċjali. Fi żmien sena, kull waħda minn dawn il-kategoriji ta’ attivitajiet ekonomiċi rreġistraw tkabbir ta’ 1.9 fil-mija u 5.1 fil-mija, rispettivament.

Fl-ewwel kwart tal-2025, 39.6% tal-postijiet tax-xogħol mimlijin kienu stmati li qegħdin f’intrapriżi li jħaddmu 250 impjegat jew aktar. Intrapriżi li kellhom magħhom bejn 50 u 249 impjegat kienu jiffurmaw ftit aktar minn kwart tal-postijiet mimlijin.
Fis-settur privat il-postijiet tax-xogħol mimlijin kienu 213,772, jiġifieri 78.8% tal-impjiegi kollha. Is-settur pubbliku, min-naħa l-oħra, kellu 57,455 jew 21.2 fil-mija tal-impjiegi. Madnakollu, ta’ min jinnota li ħaddiema ma’ kuntratturi li joperaw f’entitajiet pubbliċi, huma meqjusa bħala ħaddiema tal-privat.
Fl-ewwel kwart tal-2025, 3% tal-impjiegi f’Malta kienu vakanti. Bʼhekk, żdiedu b’0.1 punti perċentwali meta mqabblin mat-tliet xhur taʼ qabel u naqsu bʼ0.2 punti perċentwali meta mqabblin mal-ewwel kwart tal-2024. Ir-rata ta’ postijiet tax-xogħol vakanti kienet l-ogħla fis-settur tal-kostruzzjoni (4.8%), filwaqt li l-qasam tal-amministrazzjoni pubblika, id-difiża, l-edukazzjoni, is-saħħa tal-bniedem u l-ħidma soċjali rreġistra l-aktar rata baxxa taʼ postijiet tax-xogħol vakanti (1.4 fil-mija).
Intrapriżi żgħar, li jħaddmu bejn 1 u 49 impjegat, urew rata ogħla ta’ postijiet tax-xogħol vakanti – 4.8 fil-mija, li jissuġġerixxi domanda akbar għax-xogħol f’dan il-qasam. L-intrapriżi l-kbar, li jħaddmu 250 impjegat jew aktar, urew rata aktar baxxa ta’ postijiet tax-xogħol vakanti – 1.1 fil-mija.
Fl-ewwel kwart tal-2025, is-settur privat irreġistra rata ta’ 3.5 fil-mija ta’ postijiet tax-xogħol vakanti. Min-naħa l-oħra, 0.8 fil-mija tal-impjiegi fis-settur pubbliku kienu vakanti matul l-istess perjodu.
