Ir-rotta ta’ Buġibba l-iktar użata fis-servizz tal-karozzi tal-linja
Il-lokalitajiet tul il-kosta tal-Lvant miċ-Ċirkewwa sa tas-Sliema huma l-aktar li jattiraw passiġġieri li jużaw il-karozzi tal-linja, bir-rotta 48 waħedha ġġorr 2.6 miljun passiġġier fl-2023.
Din l-istatistika ħarġet minn ċifri ppubblikati dan l-aħħar mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika permezz ta’ portal ġdid li huwa dedikat esklussivament għat-trasport. Jirriżulta li d-deċiżjoni li s-servizz tal-linja jsir b’ xejn għal dawk li għandhom Tal-Linja Card kienet kruċjali hekk kif il-passiġġieri li użaw is-servizzi telgħu minn 49.2 miljun fl-2022 għal 67.2 miljuni is-sena ta’ wara.
Il-Malta Public Trasport li topera s-servizz tal-karozzi tal-linja tħaddem 117- il rotta, li minnhom 15 huma f’Għawdex, permezz ta’ network li jinkludi 2,050 bus stop.
L-istatistika tiżvela li ż-żieda fil-popolazzjoni reġistrata fl-aħħar għaxar snin ħalliet impatt qawwi fuq is-servizz tal-karozzi tal-linja, bl-akbar lokalità– San Pawl il-Baħar b’ popolazzjoni li laħqet il-50,000 meta tgħodd fit-turisti – fl-ewwel post fil-lista tar-rotot l-iktar użati.
Filfatt ir-rotta 48 li mill-Belt tibqa sejra lejn il-venda ta’ Buġibba tinsab fuq nett tal-lista ġenerali bi 2.6 miljun persuna li jivvjaġġaw, filwaqt li r-rotta 31 li wkoll topera bejn il-Belt u Buġibba imma tgħaddi mill-Mosta ġarret 1.98 miljun passiġġier u kklassifikat fir-raba’ post.
It-tieni l-aktar rotot popolari kienu t-13A u t-13 li joperaw bejn il-kapitali u San Ġiljan u Baħar iċ-Ċagħaq rispettivament. Dawn iż-żewġ rotot bejniethom ġarrew 4.1 miljun passiġġier fl-2023.
Iż-żewġ rotot ewlenin iċ-Ċirkewwa 41, u 42, ukoll huma popolari ħafna u jġorru bejniethom 3.9 miljun passiġġier. Is-servizz jintuża l-aktar minn dawk li jkunu sejrin San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa jew dawk li jaqbdu l-vapur t’Għawdex.
Iċ-ċifri tal-NSO jiżvelaw wkoll dawk ir-rotot li ġarrew l-inqas numru ta ’passiġġieri bl-aħħar post okkupat mir-rotta 150 li topera bejn il-fast ferry fix-Xatt ta’ Lascaris il-Belt mal-MCAST f ’Raħal ġdid, b’ 9 vjaġġi biss kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa. In-numru totali ta’ passiġġieri b’ din ir-rotta kien ta’ 5,500 għal sena sħiħa. It-tieni l-inqas rotta popolari kienet numru 130 li topera b’mod ċirkulari bejn il-venda tal-Belt u l-Valletta Waterfront. Kienu biss 7,528 dawk li użaw dan is-servizz. It-tielet l-inqas rotta kienet numru 109A li tgħaqqad is-Siġġiewi mal-Baħrija bin-numru annwali ta’ passiġġieri jkunu 22,535 segwita mir-rotta 330 f’ Għawdex li hija waħda minn tnejn li taħdem lejn x-Xlendi b’27,956 passiġġier.
Minkejja dawn in-numri, is-servizz għadu mhux qed ilaħħaq mad-domanda speċjalment f’postijiet bħall-bus stop ta’Kennedy Grove f’ San Pawl il-Baħar, f Bieb il-Bombi fil-Furjana u fl-Imsida. Filwaqt li l-operatur żied is-servizz, ir-rispons għadu mhux biżżejjed għaż-żieda enormi fil-popolazzjoni li wasslet biex f’ċerti zoni għad hemm problema speċjalment fil-ħinijiet ta’ filgħodu u ta’ wara nofsinhar.
