Ma nistgħux nippermettu li niddependu fuq ħaddieħor biex nibqgħu sikuri – Metsola lill-mexxejja tal-UE

Fil-Kunsill Ewropew fi Brussell, il-President tal-Parlament Ewropew assigurat lill-mexxejja li l-Parlament Ewropew jista’ jaġixxi malajr u b’mod effiċjenti biex jindirizza l-isfidi tas-sigurtà bla preċedent tal-lum.
“Hemm wisq f’riskju, u ma nistgħux nibqgħu nistennew iżjed,” saħqet, u enfasizzat l-urġenza li l-Ewropa tieħu ħsieb is-sigurtà tagħha stess.
Dwar l-Ukrajna, saħqet li “Il-paċi trid tkun waħda ġenwina li ma tidħolx f’illużjoni foloz ta’ sigurtà billi tippermetti lil min jinvadi li jkompli jipprova jieħu pajjiżi sovrani. Il-paċi trid tiggarantixxi l-libertà tal-Ukrajna, is-sigurtà tal-Ewropa u deterrent għal dawk li jaħsbu li jistgħu jieħduha bil-forza.”
Dwar id-difiża, appellat lill-UE biex tinvesti aktar f’dan is-settur: “L-ambizzjoni tagħna trid tkun proporzjonata mat-theddida bla preċedent li qed niffaċċjaw, mal-kuraġġ tal-proposti tagħna, u mal-veloċità li biha dawn jiġu implimentati.” Qalet li proposti tajbin fuq il-mejda huma xi haġa li jagħmlulha kuraġġ. “Żminijiet straordinarji jeħtieġu miżuri immedjati, u għalhekk nilqa’ b’sodisfazzjon soluzzjonijiet kreattivi u flessibbli biex inżidu u ngħaġġlu sostanzjalment l-investimenti tagħna fis-settur tad-difiża.”
Hija assigurat lill-mexxejja li l-Parlament Ewropew jista’ jadatta ruħu għal ċirkostanzi ta’ sfida billi jaġixxi malajr, b’mod effiċjenti u effettiv. “Li naġixxu permezz tal-Parlament Ewropew, speċjalment fuq deċiżjonijiet ta’ din il-portata, huwa mod kif nibnu l-fiduċja fl-Unjoni tagħna. Iva, irridu azzjoni immedjata, iżda l-azzjoni flimkien hija l-uniku mod kif nassiguraw appoġġ pubbliku wiesa’ u profond.”
Waqt li tkellmet dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, sejħet lill-mexxejja biex “nallinjaw il-baġit tal-UE mal-prijoritajiet tagħna. Għandna opportunità reali biex nifinanzjaw l-awtonomija strateġika li neħtieġu,” qalet.