Inqas nies sidien ta’ darhom minħabba żieda fil-prezz tal-propjetà

Hekk kif il-prezzijiet tal-propjetà qed ikomplu jogħlew, in-numru ta’ dawk li huma sid tad-darhom qed jintlaqat, bi tnaqqis sinifikanti reġistrat fi żmien erba’ snin bejn l-2017 u l-2021. Rapport tal-Bank Ċentrali ta’ Malta juri li fir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Port, tnejn minn kull ħames residenti jgħixu f’akkomodazzjoni mikrija. Min-naħa l-oħra, l-ogħla rata ta’ sidien tad-djar tinsab f’Għawdex, fejn disgħa minn kull għaxra jew huma sidien jew inkella xtraw il-propjetà imma għadhom qed iħallsu s-self tal-bank.
Matul dawn l-erba’ snin, il-persentaġġ ta’ djar fejn hemm persuna waħda żdied f’diversi reġjuni, speċjalment fit-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-Port, fejn din il-kategorija żdiedet b’14.5% u 11.5% rispettivament, biex laħqet 26.7% u 41.4%.
L-ogħla numru ta’ sidien ta’ propjetà fl-2021 kien f’Għawdex, b’70.3%, filwaqt li 18.9% oħra għadhom qed iħallsu s-self tal-bank. Dan jirriżulta f’rata ġenerali ta’ 89.2% li huma sid ta’ darhom.
Is-sitwazzjoni hija differenti fir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Port, fejn in-numru ta’ sidien niżel taħt in-nofs għal 48.5%, waqt li hemm 12.5% oħra li għadhom iħallsu s-self tal-bank. Dan ifisser li dan ir-reġjun għandu l-ogħla rata ta’ nies li jikru b’39.1%.
Fir-reġjuni l-oħra tal-pajjiż, in-numru ta’ dawk li huma sid tal-propjetà għadu b’saħħtu, b’rata ġenerali li tvarja bejn 75% u 91% fir-reġjun tax-Xlokk. Madankollu, il-persentaġġ ta’ sidien li m’għandhomx dejn fuq il-propjetà f’din iz-zona huwa ta’ 62.1%, li hu inqas mhux ħażin minn Għawdex.
Ir-reġjun tat-Tramuntana rreġistra bidla notevoli, bi tnaqqis ta’ kważi 15-il punt perċentwali fis-sidien bla dejn u żieda ta’ madwar 9% f’dawk li għandhom self mal-bank.
Il-piż tad-dejn domestiku
Ir-rapport janalizza wkoll id-dejn li għandhom il-Maltin. Il-valur medjan tad-dejn totali fl-2020 kien ta’ €45,000, jiġifieri żieda ta’ 12.5% mill-2017. L-aktar tip komuni ta’ dejn jibqa’ dak fuq il-propjetà, li fl-2020 irrappreżenta 88.4% tal-obbligazzjonijiet kollha.
Fl-2020, il-livell median tad-dejn f’Għawdex niżel għal €31,000, kważi nofs dak reġistrat fir-reġjuni tat-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-Port, li kienu l-aktar reġjuni fejn kien hemm dejn bil-medjan tagħhom jilħaq €60,000. B’mod interessanti, Għawdex kellu bidla drammatika mill-2017, meta kien l-aktar reġjun midjun f’Malta b’ammont medjan ta’ €80,000. Dan jirrappreżenta tnaqqis ta’ 61.4% fid-dejn matul il-perjodu. L-ebda raġuni ma ngħatat għal din il-waqgħa drastika.
Il-propjetà tibqa’ l-aktar kontributur tal-assi tal-Maltin
Il-valur tal-assi totali f’Malta żdied mill-aħħar stħarriġ tal-2017. L-assi reali, partikolarment il-proprjetà, jibqgħu l-aktar konributur ewlenin tal-ġid, u fl-2020 irrappreżentaw aktar minn 90% tal-assi reali fil-Gżejjer Maltin.
Fost ir-reġjuni kollha, Għawdex żamm l-istatus storiku tiegħu bħala wieħed mill-aktar reġjuni sinjuri f’Malta. Madankollu, minkejja ż-żieda ġenerali fil-prezzijiet tal-proprjetà, ir-rata ta’ tkabbir tal-assi totali f’Għawdex kienet aktar bil-mod meta mqabbla ma’ reġjuni oħra. Raġuni ewlenija għal dan hija t-tnaqqis ġenerali fid-daqs medju tad-djar, hekk kif in-nies qed jitilqu minn djar kbar b’diversi sulari għal appartamenti iżgħar. Dan it-tnaqqis jaffettwa mhux biss ir-residenzi primarji iżda wkoll it-tieni propjetajiet.
Għalkemm id-dejn żdied madwar Malta, il-valur median tad-dejn f’Għawdex għadu taħt il-medja nazzjonali. Dan huwa attribwit għal tnaqqis sinifikanti kemm fil-valur tad-dejn kif ukoll fin-numru ta’ djar li għandhom self. B’mod ġenerali, id-dejn fuq il-propjetà jibqa’ l-komponent ewlieni tad-dejn totali f’Malta, u jirrappreżenta aktar minn 80% f’kull reġjun. Dan il-persentaġġ għoli jenfasizza r-rwol kruċjali tal-akkwist tal-propjetà f’Malta.