Dikjarazzjoni konġunta fit-tielet anniversarju tal-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna

Tliet snin ilu, ir-Russja bdiet il-gwerra tagħha ta’ aggressjoni u illegali kontra l-Ukrajna. Din il-gwerra brutali qed tiffoka b’mod deliberat fuq il-popolazzjoni ċivili u l-infrastruttura kritika. Il-poplu Ukren wera kuraġġ kbir fid-difiża ta’ pajjiżu u tal-prinċipji fundamentali tal-liġi internazzjonali. Nagħtu ġieħ lil dawk kollha li ssagrifikaw ħajjithom u tilfu lil qrabathom għall-indipendenza u l-libertà tal-Ukrajna.
Ir-Russja u l-mexxejja tagħha għandhom ir-responsabbiltà unika għal din il-gwerra u l-atroċitajiet imwettqa kontra l-popolazzjoni Ukrena. Nibqgħu ninsistu fuq il-ħtieġa ta’ responsabbiltà għal kull reat tal-gwerra u delitt kontra l-umanità mwettaq. Nilqgħu b’sodisfazzjon il-passi riċenti lejn it-twaqqif ta’ Tribunal Speċjali għad-Delitt ta’ Aggressjoni kontra l-Ukrajna.
L-Unjoni Ewropea u l-imsieħba tagħha ħadu azzjoni malajr u magħquda biex jappoġġjaw lill-Ukrajna. L-UE pprovdiet lill-Ukrajna assistenza ekonomika, umanitarja, finanzjarja u militari li tammonta għal €135 biljun, inklużi €48.7 biljun f’għajnuna militari. L-UE se tkompli tipprovdi lill-Ukrajna b’appoġġ finanzjarju regolari u prevedibbli, inkluż għar-rikostruzzjoni tal-pajjiż wara l-gwerra.
Ir-Russja u l-poplu tagħha qed iħallsu prezz għall-azzjonijiet tal-mexxejja tagħhom. Flimkien mal-imsieħba tagħna, imponejna sanzjonijiet bla preċedent fuq ir-Russja u dawk li huma kompliċi fil-gwerra, u nibqgħu lesti biex inżidu l-pressjoni fuq ir-Russja biex tillimita l-kapaċità tagħha li tkompli l-gwerra. Diġà qed nużaw il-profitti mhux mistennija minn assi Russi ffriżati biex nappoġġjaw l-industrija tad-difiża u r-rikostruzzjoni tal-enerġija tal-Ukrajna. Illum, adottajna s-16-il pakkett ta’ sanzjonijiet biex inżidu l-pressjoni kollettiva fuq ir-Russja biex tintemm il-gwerra ta’ aggressjoni tagħha.
Fl-istess waqt, ħadna azzjonijiet bla preċedent fil-livell tal-UE biex intejbu l-produzzjoni tal-industrija Ewropea tad-difiża, u se nkomplu nkabbru l-kapaċità tagħna. Dan se jippermettilna nżidu l-appoġġ militari u l-kooperazzjoni tagħna mal-Ukrajna filwaqt li nsaħħu s-sigurtà u s-sovranità Ewropea.
L-Ukrajna hija parti mill-familja Ewropea tagħna. L-Ukreni esprimew ix-xewqa tagħhom għal futur fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Aħna rrikonoxxejna dan billi tajna lill-Ukrajna l-istatus ta’ pajjiż kandidat u bdejna n-negozjati ta’ adeżjoni. L-Ukrajna għamlet progress sinifikanti fir-riformi relatati mal-adeżjoni minkejja ċ-ċirkostanzi diffiċli li qed taffaċċja. Diġà qed nintegraw lill-Ukrajna fis-suq intern tal-UE. Il-futur tal-Ukrajna u taċ-ċittadini tagħha jinsab fi ħdan l-Unjoni Ewropea.
F’dan l-ambjent internazzjonali u ġeopolitiku ta’ sfida, nenfasizzaw l-importanza li nżommu s-solidarjetà transatlantika u globali mal-Ukrajna. Inqawwu l-ħtieġa li niżguraw li l-komunità internazzjonali tkompli tiffoka fuq l-appoġġ lill-Ukrajna biex tikseb paċi komprensiva, ġusta u dejjiema bbażata fuq il-formula għall-paċi tal-Ukrajna.
Nibqgħu solidali mal-Ukrajna, u naffermaw li l-paċi, is-sigurtà u l-ġustizzja se jirbħu.