Iż-żieda fil-prezzijiet hi ta’ tħassib għal 40% taż-żgħażagħ ta’ bejn 16 u 30 sena li ħadu sehem fl-Istħarriġ tal-Eurobarometer fost iż-Żgħażagħ. Terz ta’ dawk li rrispondew jemmnu li fil-ħames snin li ġejjin l-UE għandha tiffoka fuq l-ambjent u t-tibdil fil-klima filwaqt li 31% jemmnu li s-sitwazzjoni ekonomika u l-ħolqien tal-impjiegi għandhom ikunu prijorità.

Kważi tlieta minn kull għaxra (29%) jridu li l-UE tagħti prijorità lill-ħarsien soċjali u l-aċċess għall-kura tas-saħħa. Aktar minn wieħed minn kull ħamsa qalu li l-edukazzjoni u t-taħriġ (27%), il-housing (23%) u d-difiża u s-sigurtà tal-UE (21%) huma oqsma importanti. Id-difiża Ewropea hija ta’ tħassib partikolarment għaż-żgħażagħ fìċ-Ċekja(36%), il-Polonja (33%), u l-Estonja(32%).

Il-President tal-PE Roberta Metsola qalet: “Huwa kruċjali għall-politiċi, policy-makers u d-demokrazija Ewropea b’mod ġenerali li nisimgħu liż-żgħażagħ Ewropej u li nkunu nafu x’inhuma l-preokkupazzjonijiet tagħhom. Iż-żgħażagħ illum huma mħassba dwar iż-żieda fil-prezzijiet, it-tibdil fil-klima is-sigurtà u l-opportunitajiet ta’ impjieg. Dawn huma temi li rridu nindirizzaw f’kull deċiżjoni li nieħdu u f’kull liġi li ngħaddu. Inkella nissugraw li nitilfu ġenerazzjoni li tibqa’ diżilluża.”


Il-midja soċjali tegħleb it-TV bħala s-sors ta’ informazzjoni ewlieni

Il-midja soċjali hija l-ewwel sors ta’ informazzjoni dwar kwistjonijiet politici u soċjali għal 42% ta’ dawk li wieġbu, qabel it-televiżjoni (39%). Dawk ta’ bejn 25 u 30 sena huma l-aktar li jtendu li jippreferu t-TV. F’din il-faxxa ta’ età hemm aktar tendenza li jużaw pjattaformi tal-aħbarijiet online u r-radju meta mqabbla ma’ dawk bejn 16 u 18. Parteċipanti iżgħar (16-18) joqogħdu aktar fuq il-midja soċjali (45%) milli dawk bejn 25 u 30 (39%), u jafdaw il-ħbieb u l-familjari jew kollegi fejn tidħol l-informazzjoni (29% mqabbel ma’ 23%). 

“Il-mod kif niksbu l-informazzjoni qiegħed jinbidel b’rata mgħaġġla. Bil-maġġoranza taż-żgħażagħ isibu l-aħbarijiet fil-mija soċjali, il-politiċi u l-pjattaformi tal-midja soċjali għadhom responsabbiltà partikolari biex jiġġieldu d-diżinformazzjoni,” żiedet il-President Metsola.

It-TV jibqa’ s-sors ewlieni tal-informazzjoni għaż-żgħażagħ fil-Portugall (53%), l-Italja (52%), is-Slovenja (45%), u Franza (43%). Il-pjattaformi tal-gazzetti u l-aħbarijiet online u r-radju huma sorsi ta’ informazzjoni għal 26% tal-parteċipanti aktar żgħar meta mqabbel ma’ 16% ta’ parteċipanti akbar fl-età. Fl-edizzjoni tal-istħarriġ fl-2021, is-sorsi ewlenin tal-aħbarijiet kienu l-midja soċjali u s-siti tal-aħbarijiet (li ssemmew minn 41% tal-parteċipanti). 


Instagram u TikTok huma l-midja soċjali l-aktar użati għall-aħbarijiet 

Instagram huwa l-pjattaforma ewlenija użata miż-żgħażagħ parteċipanti biex jiksbu aħbarijiet politiċi u soċjali (47%), segwi minn TikTok (39%). Skont l-istħarriġ, X (li qabel kien Twitter) jintuża minn 21% taż-żgħażagħ. 


Iż-żgħażagħ huma konxji li huma esposti għad-diżinformazzjoni 

Maġġoranza sinifikanti (76%) taż-żgħażagħ jemmnu li f’xi mument kienu esposti għal diżinformazzjoni u aħbarijiet foloz.

F’disa’ pajjiżi tal-UE, aktar minn nofs il-parteċipanti jgħidu li kienu esposti għal diżinformazzjoni ‘spiss’ jew ‘spiss ħafna’, bl-ogħla proporzjon ikun proprju f’Malta (59%), imbagħad l-Ungerija (58%), il-Greċja (57%), il-Lussemburgu (55%), u l-Belġju (54%). Għall-kuntrarju, l-aktar li qalu li qatt ma kienu hekk esposti kienu fir-Rumanija (19%) u l-Bulgarija (11%).

70% tal-parteċipanti fl-istħarriġ jgħidu li jħossuhom kunfidenti li jistgħu jagħrfu d-diżinformazzjoni. Dawk minn Malta u l-Kroazja kienu l-aktar kunfidenti li kapaċi jindunaw meta jkun hemm diżinformazzjoni , filwaqt li l-parteċipanti mill-Awstrija, il-Ġermanja, u s-Slovenja jħossuhom l-inqas kunfidenti dwar dan.

Sfond

L-Istħarriġ tal-Eurobarometer fost iż-Żgħażagħ sar minn Ipsos bejn il-25 ta’ Settembru u t-3 ta’ Ottubru 2024 fis-27 pajjiż membru tal-UE. Ġew intervistati 25,863 żagħżugħ u żagħżugħa ta’ bejn is-16 u t-30 sena permezz ta’ Computer-Assisted Web Interviewing (CAWI) fil-forma ta’ online panels. Ir-riżultati huma magħduda skont il-proporzjon ta’ din il-faxxa ta’ età f’kull pajjiż tal-UE. 


Ir-riżultati sħaħ jinsabu hawn.