Il-parlament japprova riforma tal-VAT għaż-żminijiet diġitali

Il-VAT se jkollha titħallas fuq servizzi pprovduti permezz ta’ pjattaformi online, u b’hekk jintemm il-vantaġġ inġust fil-kompetizzjoni. L-aġġornament se jgħin ukoll fil-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT.
L-Erbgħa, il-plenarja tal-Parlament approvat il-bidliet fir-regoli li l-istati membri indikaw f’Novembru li xtaqu jagħmlu fid-Direttiva tal-VAT. L-Ewro parlamentari approvaw ir-regoli b’589 vot favur, 42 kontra u 10 astensjonijiet.
Dawn il-bidliet se jfissru li sal-2030, il-pjattaformi online ikollhom iħallsu l-VAT fuq servizzi pprovduti minnhom f’maġġoranza tal-każijiet fejn il-fornituri individwali tas-servizz ma jitolbux il-VAT. Dan se jtemm ċertu inġustizzja fis-suq, peress li servizzi simili pprovduti fl-ekonomija tradizzjonali diġà huma suġġetti għall-VAT. Din is-sitwazzjoni kienet l-aktar sinifikanti fis-settur tal-kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir u fis-settur tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq. L-istati membri se jkollhom il-possibbiltà li jeżentaw lill-SMEs minn din ir-regola – proposta li l-Parlament kien qed isostni wkoll.
Ir-riforma se twassal ukoll għad-diġitalizzazzjoni sħiħa tal-obbligi ta’ rappurtaġġ tal-VAT għal tranżazzjonijiet bejn pajjiż u ieħor sa l-2030, fejn in-negozji jkollhom joħorġu fatturi elettroniċi għal tranżazzjonijiet bejn kumpaniji f’pajjiżi differenti u jirrappurtaw id-dejta awtomatikament lid-dipartiment tat-taxxa tagħhom. Dan se jpoġġi lill-awtoritajiet tat-taxxa f’pożizzjoni aħjar biex jiġġieldu l-frodi tal-VAT.
Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv għan-negozji, ir-regoli se jsaħħu l-“one-stop-shop” tal-VAT online, sabiex aktar kumpaniji b’attività bejn pajjiż u ieħor ikunu jistgħu jikkonformaw mal-obbligi tal-VAT permezz ta’ portal online wieħed u f’lingwa waħda.
Sfond
Dan l-aġġornament tar-regoli tal-VAT ilu aktar minn sentejn jiġi żviluppat. Fit-8 ta’ Diċembru 2022, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-pakkett ‘VAT fiż-Żmien Diġitali’ (ViDA package), li kien jinkludi tliet proposti. Waħda minn dawn kienet l-aġġornament tad-Direttiva tal-VAT tal-2006.
Il-Kummissjoni kkalkulat li l-istati membri se jirkupraw sa €11-il biljun f’dħul mitluf mill-VAT kull sena matul l-għaxar snin li ġejjin. In-negozji se jiffrankaw €4.1 biljun fis-sena f’nefqa ta’ konformità u €8.7 biljun fi spejjeż ta’ reġistrazzjoni u amministrazzjoni fuq perjodu ta’ għaxar snin.