Is-settur tat-telekomunikazzjoni ċellulari f’Malta fl-2023 ra bidliet sinifikanti, bl-abbonamenti tal-mowbajls jilħqu 750,000, li jfisser żieda ta’ 6.8% fuq is-sena ta’ qabel. Dan wassal biex ir-rata ta’ penetrazzjoni laħqet livell impressjonanti ta’ 135% tal-popolazzjoni, meta mqabbel ma’ 129.5% fl-2022. Madankollu, l-utenti qed jitbiegħdu minn telefonija tradizzjonali u qed jagħżlu servizzi bbażati fuq l-internet u pjattaformi ta’ Voice over IP (VoIP) bħal WhatsApp u Messenger.

Dawn ix-xejriet huma enfasizzati fir-rapport annwali tal-Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni (MCA), li jipprovdi analiżi dettaljata dwar is-setturi tat-telefonija, servizzi tad-data, il-posta, u t-televiżjoni. Żvilupp prominenti fl-2023 kien iż-żieda qawwija fil-post-paid plas, li sa tmiem is-telgħu għal kważi nofs l-abbonamenti kollha tal-mowbajls. Id-distakk bejn abbonamenti bil-kuntratt u dawk post-paid naqas b’mod drastiku, minn 63,972 fl-2022 għal 938 biss fl-2023. Dan jenfasizza ż-żieda fil-popolarità għal prodotti li jiffukaw fuq l-użu tal-internet.

Żieda fl-internet u tnaqqis fit-telefonati u l-SMS

Iż-żieda fid-domanda għal applikazzjonijiet li jużaw ħafna internet bħal gaming, u video streaming, l-użu tal-internet fuq il-mowbajl żdied b’49% f’sena waħda biss. Il-konsum totali tad-data domestika sploda minn 79.15 biljun MB fl-2022 għal 117.87 biljun MB fl-2023, li jfisser 162,454 MB għal abbonat.

Min-naħa l-oħra, il-metodi tradizzjonali ta’ komunikazzjoni bħat telefonati u l-SMS komplew jonqsu. It-telefonati naqsu bi 3% għal 494.88 miljun, bil-medja tan-numru ta’ telefonati għal kull abbonat tonqos minn 755 fl-2022 għal 682 fl-2023. Bl-istess mod, in-numru ta’ SMSs niżlu b’10.3%, bl-abbonati jibagħtu medja ta’ 194 messaġġ fl-2023, meta mqabbel ma’ 232 fis-sena ta’ qabel.

Is-suq tal-operaturi

Tliet operaturi ewlenin jiddominaw is-suq tal-mowbajls f’Malta: Epic, GO, u Melita. Epic saħħet il-pożizzjoni tagħha u minn 39.7% tas-suq fl-2022 telgħet għal 42.0% fl-2023. Sadattant, GO u Melita esperjenzaw tnaqqis żgħir, b’sehem ta’ 34.4% u 23.6% tas-suq, rispettivament.

Xejriet tar-roaming internazzjonali

Is-servizzi tar-roaming ukoll kellhom żieda, fl-isfond mill-qafas tal-UE “Roam-Like-at-Home,” li jippermetti lill-abbonati jħallsu rati domestiċi meta jkunu msiefra. It-telefonati bir-roaming ‘inbound’ – meta t-turisti jkunu Malta u jużaw il-mowbajl tagħhom – żdiedu bi 8.8% għal 41.4 miljun fl-2023, filwaqt li l-minuti tar-roaming ‘inbound’ żdiedu b’2% għal 128.06 miljun. It-telefonati tar-roaming ‘outbound’ – meta l-Maltin jużaw il-mobile meta jkunu msiefra – żdiedu bi 3%, jilħqu kważi 11-il miljun, filwaqt li l-minuti tar-roaming ‘outbound’ żdiedu b’mod marġinali ta’ 0.3%.

Il-futur tal-industrija tal-mowbajls f’Malta

Hekk kif ikompli jiżided l-użu tal-mezzi ta’ komunikazzjoni diġitali, it-tnaqqis fil-komunikazzjoni tradizzjonali jenfasizza tibdiliet fl-imġiba tal-konsumaturi, influwenzati mis-servizzi ta’ komunikazzjoni ‘over-the-top’ (OTT) – mezzi li jużaw l-internet u mhux it-telefonija tradizzjonali. Bl-użu l-internet fuq il-mowbajl dejjem jiżdied, il-kompetizzjoni fis-settur tat-telefonija dejjem aktar tiddependi fuq l-użu tal-broadband (internet b’veloċità qawwija).