Kommemorazzjoni tal-Olokawst mill-Parlament Ewropew
Corrie Hermann, bint il-mużiċist u vittma tal-Olokawst Pál Hermann, indirizzat lill-MPE f’sessjoni plenarja li mmarkat Jum Internazzjonali tat-Tifkira tal-Olokawst.
Il-President Roberta Metsola fetħet iċ-ċerimonja, li fakkret ukoll it-80 anniversarju tal-liberazzjoni tal-kamp ta’ konċentrament ta’ Auschwitz-Birkenau fit-27 ta’ Jannar.
“Ma nistgħu qatt ninsew, u rridu naġixxu. Aħna l-aħħar ġenerazzjoni li għandha l-privileġġ li tisma’ l-istejjer ta’ dawk li għexu l-Olokawst b’mod dirett. Il-vuċijiet tagħhom, il-kuraġġ tagħhom, il-memorji tagħhom huma pont lejn passat li m’għandux qatt jintesa. Għax anke wara l-orrur tal-Olokawst, l-anti-semitiżmu ma għebx. Baqa’ jeżisti. Evolva.
It-tifkira hija dmir. Responsabbiltà biex niżguraw li ‘qatt aktar’ ma tkunx biss wegħda vojta.
“Dan il-Parlament Ewropew dejjem se jiftakar. U dejjem se jitkellem – kif għallmitna nagħmlu l-ewwel President mara tagħna, Simone Veil, li hi stess kienet waħda minn dawk li għexu l-olokawst direttament. L-esperjenza tagħha jfakkarna li n-newtralità tgħin biss lill-oppressur, qatt lill-vittma. Dan il-Parlament dejjem se jkun favur id-dinjità. Favur it-tama. Favur l-umanità.”
Id-diskors tal-President Metsola kien segwit minn prestazzjoni mużikali li fiha ndaqq l-istrument oriġinali ta’ Hermann, Gagliano.
Fl-indirizz tagħha, Corrie Hermann qasmet l-istorja ta’ missierha, il-kompożitur u l-mużiċist Ungeriż Pál Hermann, meqjus bħala wieħed mill-aqwa ta’ żmienu, li nqatel min-Nażi fl-1944. “Din l-istorja dwar vittma waħda tal-Olokawst hija dedikata lil kull wieħed mis-sitt miljuni ta’ vittmi li qed infakkru illum,” qalet.
Is-Sinjura Hermann irrakkontat il-ħajja ta’ missierha bħala mużiċist, mill-istudji tiegħu fl-Akkademja Franz Liszt f’Budapest sal-kunċerti tiegħu fl-iktar swali prestiġjużi tal-Ewropa. Wara li ħarab lejn il-Belġju u Franza, ġie arrestat f’Toulouse f’rejds fit-triq f’April 1944, u ttrasportat lejn Drancy, il-kamp ħdejn Pariġi minn fejn kienu jitilqu l-vjaġġi lejn il-kampijiet ta’ konċentrament. Minn hemm ġie deportat lejn il-kamp ta’ Kaunas fil-Litwanja. Waqt li l-ferrovija kienet qed tistenna fl-istazzjon, huwa rnexxielu jarmi ittra mit-tieqa, fejn talab biex l-istrument tiegħu jiġi salvata. L-ittra nstabet u ntbagħtet lil ħuh, li biddel il-Gagliano b’istrument inqas prezzjuż u ħarab bih marbuta ma’ dahru. “Ma nafux x’ġara wara, imma biss ftit nies mid-900 priġunier reġgħu lura wara l-gwerra,” fakkret.
Minkejja d-destin traġiku tiegħu, il-mużika ta’ Hermann tkompli tispira lin-nies madwar id-dinja. Aktar minn 80 sena wara mewtu, l-istrument tiegħu Gagliano instab, u l-kompożizzjonijiet tiegħu ntlaqgħu u ġew esegwiti minn artisti rinomati internazzjonalment. “Hitler ħaraq kotba, qered pitturi, u qatel miljuni; imma l-mużika hija invinċibbli,” qalet Corrie Hermann.
Wara d-diskors, l-MPE osservaw minuta ta’ silenzju. Iċ-ċerimonja għalqet b’prestazzjoni mużikali ta’ Kaddish ta’ Maurice Ravel.
Ara ċ-ċerimonja hawn.